Jekk għandu jkun hemm bidla, jeħtieġ li nifhmu sewwa x’kwalità ta’ bidla għandu jkun hemm.

Il-ħsara li l-ħallelin wettqu lil Malta matul dawn l-aħħar 6 snin m’hi xejn ħlief delitt kriminali kontra l-istorja tagħna, kontra r-rispett li konna ngawdu mal-bqija tad-dinja, kontra l-identità tagħna bħala nazzjon u kontra soċjetà tagħna li hi “bażata fuq ix-xogħol”.

F’dan kollu, li hemm agħar hi l-imġieba tagħna bħala nazzjon fil-konfront ta’ dawn il-ħallelin. L-istituzzjonijiet tagħna naqsu minn dmirhom u malli fl-2107 ġiena ċ-ċans li nivvutaw f’elezzjoni, erġajna kkonfermajniehom fil-gvern bil-kbir.

Darba minnhom, niftakar li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-korruzzjoni tinsab f’kull livell.   Il-korruzzjoni m’hix sintomu ta’ fażi bikrija tal-evoluzzjoni umana jew soċjali. Il-progress ma jeqridx il-korruzzjoni. Il-korruzzjoni ma tinħallx mal-mogħdija taż-żmien.

Iżda fil-każ tagħna jidher li l-attitudni tipika lejn il-korruzzjoni hi waħda korrotta. Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-2017 wera’ li, bħala nazzjon, lill-korruzzjoni nammirawha u nqimuha.

Iżda issa li hemm xamma ta’ demm, uħud minnha qiegħdin igħidu li l-attitudni tagħhom inbidlet. U dawn l-attitudnijiet x’aktarx ser ikomplu jinbidlu b’rata aktar mgħaġġla meta l-konsegwenzi ekonomiċi li ser iġibu magħhom dawn id-delitti kriminali jibdew jinħassu fil-laħam il-ħaj.

Iżda min jopponi l-korruzzjoni għar-raġuni li din tkun effettwat ħażin lil butu, mhux biss hu bniedem li jara sal-ponta ta’ mnieħru iżda huwa wkoll korrott biżżejjed li jasal biex jopponi l-kriminalità biss meta jkun il-vittma tagħha hu. Mill-bqija, jiġi jaqa’ u jqum. Agħar minn hekk, meta jaħseb li qed igawdi personalment mill-kriminalità (ftakru f’kemm il-darba rripetew il-kliem “l-aqwa żmien”), ra kif għamel biex appoġġjaha.

Dan kollu il-għala qed insemmiħ? Qed insemmiħ għaliex jekk ma naqbdux il-barri minn qrunu dwar ċerti fatti li seħħew matul dawn l-aħħar sitt snin, jekk nagħlqu għajnejna t-tnejn mhux biss għal dawk id-delitti kriminali mwettqa mill-mexxejja, iżda wkoll għall-appoġġ ħerqan tas-segwaċi tagħhom, inkunu qed inwittu t-triq għall-iskandli li jmiss.

S’issa l-ikbar “bidla” li ġabu magħhom l-iskandli tal-korruzzjoni li heżżew lil pajjiżna hi r-riżenja ta’ Joseph Muscat minn prim ministru u l-ħatra ta’ prim ministru ġdid. Iżda diġà qed jidher li l-bidla ser tkun waħda kożmetika.

Ebda wieħed miż-żewġ kandidati m’hu jikkundanna dak li seħħ matul dawn l-aħħar sitt snin. Wieħed minnhom, Robert Abela, saħansitra qed jiċħad li ninsabu fi kriżi. Iż-żewġ kandidati qed jagħmlu minn kollox biex ma jammettux dak li qed iħoss il-poplu, jiġifieri li l-mexxej preżenti tagħhom huwa korrott u x’aktarx agħar minn hekk. Jista’ jingħad li Robert Abela qed juri aktar indifferenza minn Chris Fearne għat-tħassib tal-biċċa l-kbira tan-nies.

Iżda għalkemm xi drabi Chris Fearne jgħaddi rimarki fis-sens s-sitwazzjoni mhix waħda normali, l-messaġġ li qed iwasslu dawk li qed imexxulu l-kampanja hi li kollox ser jibqa’ kif inhu.

Meta Chris Fearne ġie mistoqsi jekk igħaddilux minn moħħu li jagħlaq il-One TV (u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li s-sidien tagħhom huma partiti politiċi), huwa wieġeb li “l-partit jeħtieġ li jkollu leħen” bħal dak li qallu partit politiku jkun bla leħen jekk ma jkollux stazzjon tat-televiżjoni.

F’pajjiżi Ewropej oħra, ma ssib ebda partit politiku li huwa sid ta’ stazzjon tat-televiżjoni. Dan allura jfisser li dawn il-partiti politiċi m’għandhomx leħen?

Chris Fearne mhux leħen għall-partit tiegħu jrid. Irid li jkollu l-fakultà li jgħawweġ il-verità, li jwassal il-gideb, li jpinġi lill-partit bħala wieħed infallibbli u li jitma’ dan kollu lin-ngħaġ li jċapċpulu u jixgħalulu x-xemgħat b’sens ta’ gratitudni.

Chris Fearne jidher li mhuwiex lest li jammetti li l-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti qed jagħmlu ħsara u jkabbru l-firda fost il-poplu. Lanqas m’hu lest li jammetti li dawn l-istazzjonijiet intużaw mill-korrotti bħala għodda biex ikunu jistgħu jżommu s-setgħa f’idejhom u sabiex jirbħu l-elezzjonijiet minkejja li kienu nqabdu fil-fatt. U li dawn l-istazzjonijiet intużaw biex iddemoniżżaw u iżolaw lil Daphne Caruana Galizia sal-punt biex kważi kważi l-qtil tagħha kien ġustifikat f’moħħ x’uħud.

Jekk Chris Fearne dan kollu m’għandux il-ħila li jammettih, jista’ jingħad li m’hemmx tama għal bidla vera. M’għandniex xi ngħidu, lil Robert Abela m’għandniex għalfejn noqgħodu nikkalkulawh. Ma’ dan ma teżisti assolutament ebda tama: kliemu jikxfu li hu t-tewmi ta’ Joseph Muscat.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat qasir li nġibed il-bieraħ waqt attività mill-kampanja ta’ Chris Fearne. Il-filmat beda’ jinġibed qabel Chris Fearne tela’ fuq il-palk. Il-preżentatur qed jaqra’ l-avviżi lill-membri tal-Partit Laburista li kienu fost l-udjenza.

F’waħda mill-avviżi ntqal li l-Ministru ġab miegħu ekwipaġġ tal-‘customer care’ biex dawn jisimgħu l-ilmenti tal-parteċipanti fost l-udjenza. Għal min ried jifhem, il-messaġġ li twassal ma setgħax ikun aktar ċar u, permezz tal-preżentatur, Chris Fearne talab lill-votanti jsemmulu il-prezz li jixtiequ bi bdil mal-vot tagħhom. Forsi xi mpjieg fantażma mal-gvern bħal dak li Keith Schembri ta lil Melvin Theuma li għalih taqla’ paga talli ma tagħmel xejn? Jew forsi xi permess tal-bini f’post fejn permessi ma jingħatawx? Jew forsi xi tqabbiża fil-lista ta’ stennija ta’ dawk li jeħtieġu trattament mediku jew ta’ dawk li jeħtieġu l-akkomodazzjoni soċjali?

Ambjent f’pajjiż demokratiku li lill-votant jibdlu f’konsumatur korrott u egoist huwa l-istess ambjent li lill-prim ministru, liċ-chief of staff tiegħu u lil ministru tal-gvern jibdilhom f’ċorma ta’ nies rgħiba u  reddiegħa.

Mhux ser ikun possibbli għal Chris Fearne li jnaddaf id-demokrazija tagħna jekk mhux ser ikun lest li jagħlaq il-bieb f’wiċċ il-klijenteliżmu u f’wiċċ in-natura konsumistika tal-politika tradizzjonali tagħna.

Kont nistenna li Chris Fearne ser jimmira li jsir mexxej tal-partit u prim ministru għaliex għandu l-ħila li jikkonvinċi lill-membri tal-partit li jrid bidla vera. Minflok jagħmel dan, qed iwiegħed li kollox ser jibqa’ kif inhu.

Privatament jgħid li l-votanti jridu li kollox jibqa’ kif inhu.

Dan hu l-istess raġunar li kienet għamlet użu minnu l-kampanja ta’ Adrian Delia għat-tmexxija tal-PN. Delia kien argumenta li r-riżultat tal-elezzjoni tal-2017 wera’ li n-nies ma tridx xi puritan bħal Simon Busuttil iżda għandha ammirazzjoni għal min hu korrott għaliex mill-korruzzjoni jkun jista’ jmissha xi ħaġa.

Fi kliem ieħor, Adrian Delia ma riedx jeqred is-sistema iżda jrid jiddominaha. Robert Abela jidhirlu li diġà qiegħed jiddominaha. U Chris Fearne irid jasal biex jiddominaha.

Il-mexxejja jwaħħlu fis-segwaċi tagħhom. Iżda jekk m’għandekx il-ħila li twassal lis-segwaċi tiegħek f’destinazzjonijiet li s-segwaċi lanqas biss kienu jafu bihom – aħseb u ara kemm riedu jilħquhom – kif tista’ tissejjaħ mexxej? X’kwalità ta’ fiduċja tkun ispirajt fis-segwaċi tiegħek li tkun biżżejjed biex fil-futur jipprermettulek twassalhom f’destinazzjonijiet li għadhom qatt ma raw?

Din mhix tmexxija iżda kompetizzjoni dwar min se jirnexxilu jaqla’ l-akbar ċapċipa. Joseph Muscat jeċċella f’dan.

Iżda Joseph Muscat għandu jkun l-eżempju li wieħed għandu jsegwi?

Mid-dehra dan hu l-eżempju li jridu jimxu fuqu.