Wara madwar ġimgħa ta’ aljenazzjoni jidher li, mid-dar ta’ Keith Schembri, Neville Gafà lill-ministri u d-deputati tal-Labour qed joħorġilhom l-ordnijiet dwar x’għandu jingħad. Deputat wara l-ieħor issa qiegħdin jixlu lid-dimostranti li “jridu t-tixrid tad-demm”.  Mhux magħruf kif saru jafu d-dimostranti “xi jridu” ġaladarba dawn qatt ma talbu li jkun hemm it-tixrid tad-demm. Tgħid Michael Falzon, Michael Farrugia, Silvio Parnis u l-oħrajn jidrilhom li d-dimostranti għandhom il-ħila li jxerrdu d-demm bit-tfigħ ta’ bajd  jew frott jew inkella bis-saħħa tat-twerżiq?

U ma nafx minn fejn ġabuha din li xi ħadd xeħet l-awrina lejhom. Issa anki li kieku huwa veru li xi ħadd xeħet l-awrina lejhom, bit-tfigħ tal-awrina tista’ xxerred id-demm?

Il-kelliema tal-Labour qed iħallu l-immaġinazzjoni tiġri bihom. Jippreferu li kieku Joseph Muscat ma gidbilhomx għal sitt snin jew aktar. Dawn jinsabu maħsuda li l-aqwa ħabib li għandu għatta d-delitt ta’ qtil. Jew inkella għamel agħar minn hekk. jinsabu maħsuda għax il-prim ministru m’għamel xejn minkejja li kien jaf x’kien qed iseħħ. Jew inkella agħar minn hekk.

Iżda l-istint tribali ta’ dawn id-deputati u l-pressjoni enormi li qed jagħmlilhom Joseph Muscat hu u jħeġġeġ lill-partitarji biex jiddefenduh qed iġġiegħlhom ifittxu għadu kontra min ikun jeħtieġ li jissieltu.

Lid-dimostranti qed ipinġihom bħala manigoldi vjolenti u lill-ġurnalisti bħala għedewwa tal-poplu. Jekk ikompli b’din l-imġieba, se jispiċċaw iweġġgħu n-nies. Ċertament mhux ser ikunu huma li jweġġgħu mħarsa kif inhuma bil-manigoldi rrabjati tagħhom – li jfakkruna ħafna f’dawk li kienu jsawtu lin-nies fl-1985 – u mill-pulizija li jkollhom jagħmlu xogħolhom hi x’inhi l-fehma tagħhom dwar dawk li r-responsabbiltà tagħhom hi li jagħtuhom il-protezzjoni.

Jekk jibqgħu ifittxu l-għedewwa, se jispiċċa jweġġa’ xi ħadd. Nittamaw li dan ma jseħħx. Nittamaw ukoll li l-imġieba tal-ministri m’hix xi stedina biex joħorġu fit-toroq il-pulizija tal-irvellijiet. Nittamaw li d-diskors li qed jingħad dwar “vjolenza”  u “demm” mhux qed jingħad biex ixewwxu lill-manigoldi kontrina.

L-abbuż psikoloġiku diġà qed jużawħ. Lil Eve Borg Bonello diġà heddewha bil-mewt fuq il-Facebook talli din ażżardat tgħid pubblikament li Joseph Muscat għandu jwarrab. In-nisa dejjem jispiċċaw l-ewwel vittmi tat-theddid. Iżda mhux hi biss.

Id-dimostranti m’humiex jitolbu l-impossibbli. Kulma qed nitolbu hi r-riżenja ta’ Joseph Muscat. Illum qabel għada. Sabiex il-pajjiż ikun jista’ jixkupa lill-mafja ‘l barra mill-istat tagħna.

Ma jridx iwarrab għaliex il-mafja dak li diġà nkixef trid li jitmewwet u trid ukoll tkun hi li tagħżel lill-prim ministru l-ġdid.

Dan ma nistgħux nippermettuh.