Meta l-inkjesta rrakkomandat li Maria Efimova għandha tiġi investigata għall-kalunji u ġurament falz wara li x-xhieda tagħha kienet fetħet tant għajnejn dwar il-frodi u l-qerq li kien għaddej fil-Pilatus Bank, din uriet li ma fehmet xejn dwar x’inhi l-funzjoni ta’ whistleblower.

Bl-eċċezzjoni ta’ Jonathan Ferris li ssemma’ fir-rapport tal-inkjesta, Maria Efimova weħidha ma kellha xejn x’tirbaħ u ħafna aktar x’titlef meta din forniet lill-istat b’informazzjoni dwar dak kollu li kien qed iseħħ fil-Pilatus Bank.

Il-fatt li biċċiet mill-informazzjoni li pprovdiet ma ġewx ikkorroborati ma jfissirx li kienet ħadet ġurament falz. Iżda jfisser li, sa ċertu punt, tal-Pilatus Bank kien irnexxielhom jgħattu xturhom fil-ħin. Dan huwa eżatt dak li għandhom il-ħila li jagħmlu banek li jispeċjalizzaw fil-ħasil ta’ flus maħmuġin. Banek bħal dawn ma jinħolqux biex iqarrqu b’Aaron Bugeja, b’Ian Abdilla jew b’Peter Grech, aħseb u ara b’Maria Efimova. Dawn jinħolqu biex iqarrqu bl- FBI u l-SEC. B’xorti tajba, forsi grazzi wkoll għat-tenaċja ta’ Maria Efimova, tal-Pilatus Bank u sidha – ħabib tal-qalb ta’ Keith Schembri u ta’ Joseph Muscat – ma rnexxielhomx iqarrqu bl-FBI.

M’għandniex xi ngħidu, meta l-Maġistrat Bugeja kiteb li l-pulizija għandha tinvestiga xi ineżattezzi li seta’ kien hemm fix-xhieda tagħha, huwa ma kkundannax lil Maria Efimova. Iżda b’dan il-kliem, huwa espriema ruħu fis-sens – kif kien dmiru – li hemm suspett li seta’ ġie mwettaq delitt u talab lill-pulizija tinvestiga. Ċertament sa hawn qeda’ dmiru.

Iżda fl-istess waqt, jidher li tefa’ dell fuqha. Ma ntebaħx Aaron Bugeja li meta mal-whistleblowers l-istat iġib ruħu b’dan il-mod, ma jistax imbagħad jistenna’ li dawn ikunu lesti li jikkoperaw bis-sħiħ biex jikxfu l-kriminalità finanzjarja?

Maria Efimova setgħet biss tixhed dwar dak li kienet saret taf mix-xogħol tagħha bħala assistent personali f’bank li fih ħadmet biss għal tliet xhur.

Il-qorti marret biex tixhed minn jeddha wara li Daphne Caruana Galizia baqgħet ma kixfitx l-identità tagħha. Ix-xhieda li tat kixfet xibka enormi ta’ kriminalità u ta’ korruzzjoni.

Ejjew inkunu ċari. Kemm Karl Cini kif ukoll Maria Efimova taw xhieda li, sa ċertu punt, ġiet ikkorroborata u li, sa ċertu punt ieħor, ma ġietx korroborata.    Iżda min minn dawn it-tnejn kellu l-motivazzjoni li jigdeb hu u jixhed? Milli nista’ nifhem, il-Maġistrat ma daħalx f’din il-kwistjoni u dan ċertament huwa nġust u kontro-produttiv.