Il-konklużjonijiet tar-rapport li xxandru aktar minn sena ilu jeżoneraw lill-koppja Muscat fuq premessa li l-inkjesta ma sabitx provi li huma s-sidien ta’ Egrant u li allura ma setgħux kienu huma s-sidien.
Minn dak li qrajt s’issa – u din il-konklużjoni tiegħi tista’ tinbidel wara li nkun flejt sewwa r-rapport – ma jidher li hemm xejn fil-bqija tar-rapport li jiġġustifika l-loġika tal-maġistrat. Dan seta’ kien motivat mix-xewqa li r-rapport ma jkunx wieħed inkonklużiv u b’hekk Joseph u Michelle Muscat jibqgħu jgħixu taħt dell ta’ allegazzjoni li baqgħet ma ġietx ippruvata.
Nasal biex nifhem il-loġika ta’ raġunar bħal dan. Il-ġustizzja kriminali jeħtieġ li titħalla timraħ fis-saltna tal-pożittiv. Ix-xniegħat li Michael Corleone qatel lil Fredo jibqgħu xniegħat sakemm jew Michael Corleone jammetti (ma’ xi ħadd li m’huwiex saċerdot) jew inkella Al Neri jgħid li spara fuq Fredo hekk kif Michael ħareġ l-ordni.
Sakemm iseħħ dan, Michael hu innoċenti u Fredo għereq f’Lake Tahoe f’jum tal-Ħadd filgħodu.
Joseph u Michelle Muscat kienu ġew mixlija li huma s-sidien ta’ Egrant. Lil Aaron Bugeja irriżultalu li kien hemm bosta ħjiel li seta’ jikkonferma dan, iżda ma sabx provi konkreti. Bi stqarrija bħal din, Aaron Bugeja seta’ ħass li qiegħed jinkrimina lill-koppja Muscat bis-silenzju tiegħu. U ġaladarba li sejjes il-konklużjoni tiegħu fuq il-prinċipju li għal-liġi jgħodd biss dak li jkun ġie pruvat, wasal għall-konklużjoni loġika li ma kienux huma s-sidien.
Madankollu jeħtieġ li niftakru li l-konklużjoni tiegħu Aaron Bugeja kitibha 18 il-xahar ilu. Minn dakinhar ‘l hawn, il-ħjiel kompla jiżdied. Ir-riżenji f’Novembru ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri dwar kwistjonijiet li Joseph Muscat mhux biss kien ilu jaf bihom għal tliet snin sħaħ iżda wkoll ittanta jgħattihom, komplew iżidu l-provi ċirkostanzjali li jimmilitaw favur il-fehma li kien imdaħħal magħhom fit-tixħim.
F’Novembru li għadda, Keith Schembri u Konrad Mizzi warrbu minħabba l-fehma ġenerali li Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex kienet kixfet l-eżistenza ta’ Hearnville u ta’ Tillgate. Daphne Caruana Galizia kienet kixfet l-eżistenza ta’ Egrant ukoll, liema kumpannija nħolqot flimkien maż-żewġ kumpanniji l-oħrajn.
Il-fatt li Joseph Muscat għal tant żmien baqa’ jirrifjuta li jwarrab lil Mizzi u lil Schembri kompla kabbar is-suspett li hu mdaħħal magħhom. Issa jidher li qagħad gallarija waqt li Keith Schembri ttanta jgħatti l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħin lill-allegat mandant.
Mhux possibbli li wieħed jimmaġina dak li għadda minn moħħ il-maġistrat. U huwa aktar impossibbli li wieħed jimmaġina x’kien igħaddi minn moħħ il-maġistrat li kieku ċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien kienu differenti.
Tgħid Aaron Bugeja mill-istqarrija li “ma jeżistux provi li jikkonfermaw l-allegazzjoni li Muscat hu sid l-Egrant” kien xorta waħda jasal għall-konklużjoni loġika li “Muscat m’huwiex sid l-Egrant” li kieku dak iż-żmien kien jaf dak li sar jaf issa?
L-investigazzjoni Egrant jeħtieġ li terġa’ tinfetaħ u din id-darba Joseph Muscat m’għandux ikun fil-pożizzjoni li jaqra’ sigrieti li ħadd m’għandu aċċess għalihom u mbagħad igħaddi biex jigdeb dwar il-kontenut tagħhom. U dan biex ma nsemmix lil Joseph Muscat fil-pożizzjoni li jiddeċiedi dwar jekk il-karriera ta’ Aaron Bugeja għandhiex timxi ‘l quddiem bil-ħatra tiegħu bħala mħallef 9 xhur wara jew inkella għandhiex tibqa’ fejn hi bħala penitenza talli jkun wettaq xogħolu.