Xogħol l-oppożizzjoni m’huwiex dak li jikkummenta dwar ġrajjiet kurrenti. Oppożizzjoni għandha r-rwol kostituzzjonali li tagħmel l-għassa fuq il-gvern u m’għandhiex titkellem biss. Il-battalja prinċipali għandha tkun miġġielda fil-Parlament iżda huwa fatt li din l-istituzzjoni mhix taqdi d-dmirijiet li kienet nħolqot biex taqdi.
F’dan il-każ, il-qorti ntalbet tidħol fil-mertu dwar jekk kienx sewwa li l-gvern ma jxandarx ir-rapport sħiħ. Irrid nammetti li jħossni kemmxejn żbalordit bis-sentenza li tat il-qorti. Jidher ċar li, fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, l-kuntest taż-żmien li ninsabu fih kien wieħed determinanti.
F’din is-sentenza jidhru ċari affarijiet li ma ġewx espressi fi kliem. Jidhirli li l-Imħallfin tal-Qorti tal-Appell ma mpressjonaw ruħhom xejn bl-imġieba tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali kien xandar estratt tar-rapport tal-inkjesta li kien politikament konvenjenti għall-prim ministru u qata’ barra affarijiet li huma mbarazzanti u li, f’ċirkostanzi normali, kien jwasslu għal riżenji fi ħdan il-gvern.
L-iskuża li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fuq kwistjonijiet li tqajmu mill-inkjesta setgħet kienet waħda rilevanti sena u nofs ilu. Iżda fil-kuntest tas-sitwazzjoni preżenti, skuża bħal din ma tista’ tkun rilevanti xejn. Barra minn hekk, il-prim ministru issa żgur ma fadallux reputazzjoni x’iħares.
Aħna u nirreferu għar-reputazzjoni ta’ Joseph Muscat u kif din laħqet il-qiegħ minn dakinhar li xxandar l-estratt tar-rapport Egrant, f’dan il-kuntest ikun jeħtieġ ukoll li nitkellmu dwar it-tibdil fil-pożizzjoni ta’ Adrian Delia.
Bla dubju, s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u l-pubblikazzjoni sħiħa tar-rapport tal-inkjesta kienet rebħa kbira għall-PN. X’aktarx li din kienet l-akbar rebħa ta’ sinjifikat għall-PN sa minn qabel l-elezzjoni tal-2017. Din kienet l-ewwel darba li l-PN ġabha żewġ u ġabet fix-xejn ix-xilja malizzjuża li Simon Busuttil kien in mala fede fiż-żmien qabel inbdiet l-inkjesta Egrant.
Iżda din ir-rebħa għall-PN tikkuntrasta ferm ma’ dak li seħħ dakinhar li xxandru l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant. Dakinhar Adrian Delia kien għamilha fatta li Joseph Muscat kien qed igħid il-verità u li Simon Busuttil kien gideb. Kien jonqsu biss jagħmel apoloġija lil Joseph Muscat u spiċċa biex keċċa lil Simon Busuttil minn kelliem ewlieni dwar il-governanza tajba.
Dan kien każ ta’ ġudizzju ħażin. Iżda mhux biss. Din kienet deċiżjoni imsejsa fuq il-ħdura li biha ġie trattat Simon Busuttil minn sħabu stess. Nistgħu ngħidu li l-attentat biex jitkeċċa Simon Busuttil ma rnexxiex għaliex kien hemm maġġoranza żgħira ta’ mexxejja tal-PN li t-tkeċċija ma ħallewhiex isseħħ.
Id-deċiżjoni li kienet ittieħdet sena u nofs ilu kienet waħda li firdet u kienet ta’ ħsara. Kienet ukoll deċiżjoni żbaljata. Is-sena l-oħra kull minn kellu nitfa sens komun kien messu ntebaħ li Joseph Muscat huwa giddieb bla skrupli u li min hu f’sensiħ m’għandu qatt jagħmilha fatta li kien qed jgħid il-verità dwar il-ġudizzju politiku ta’ Simon Busuttil u dwar il-ġurnaliżmu ta’ Daphne Caruana Galizia.
Adrian Delia illum għandu għalxiex ikun kuntent bir-rebħa li għamel il-PN fuq il-gvern. Iżda l-ironija tinsab fil-fatt li din il-kwistjoni m’hi xejn ħlief tifkira tat-tradiment li ġabet magħha it-tmexxija tiegħu fi ħdan il-PN u dwar kemm ġabu firda d-deċiżjonijiet li ħa. Din il-kwistjoni fakkret ukoll dwar x’inhu eżatt ir-rwol ta’ oppożizzjoni u dwar kemm pajjiżna għadda minn tbatija grazzi għall-fatt li, għal bosta minn dawn l-aħħar sentejn, il-mexxejja tal-PN li hemm bħalissa ttraskuraw id-dmirijiet tagħhom.