581 membru tal-Parlament Ewropew ivvutaw favur riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex minnufiħ “tibda’ djalogu” ma’ Malta biex tissewwa l-ħsara li din għamlet lis-saltna tad-dritt fil-pajjiż. Jidher ċar li kliem Owen Bonnici ma mpressjonaw xejn.

Kienu biss 26 ewroparlamentari li vvutaw kontra l-mozzjoni, ħafna minnhom nazzjonalisti tal-lemin estrem li għalihom il-Parlament Ewropew lanqas biss għandu jeżisti, aħseb u ara kemm għandhom jeżistu l-livelli Ewropej tad-diċenza fl-amministrazzjoni pubblika. L-uniċi ewroparlamentari soċjalisti li vvutaw kontra l-mozzjoni huma dawk eletti permezz tal-Partit Laburista ta’ Malta. Għal dawn l-imħabba u l-lealtà li għandhom għall-partit u għall-mexxej Joseph Muscat jiġu qabel l-imħabba lejn il-pajjiż.

Total ta’ 83 ewroparlamentari astjenew.

581 minn parlament ta’ 690.

Din hi l-agħar, iżda mhux l-aħħar, umiljazzjoni li sofra Joseph Muscat li issa sar jippersonifika s-sens ta’ mistħija nazzjonali. Bosta minn dawn l-ewroparlamentari l-bieraħ tkellmu b’leħen wieħed u sejjħu lil Joseph Muscat biex iwarrab minnufiħ.

Antonio Tajani sejjaħ lil dan il-vot bħala wieħed ta’ sfiduċja mill-Ewropa f’Joseph Muscat. Kien vot ta’ sfiduċja li ma setax ikun aktar ċar.