Bosta minn ħbiebi u jien bħalissa qed nirċievu biżibilju ta’ messaġġi b’theddid, uħud minnhom privatament u oħrajn b’mod pubbliku. B’guffaġni liema bħalha, qed iħeġġuna biex naqtgħu l-vini tal-polz tagħna. Dak li jinkiteb fil-Facebook forsi jkollok il-ħila li tħallih għaddej. Iżda jkun mod ieħor meta tiġi mgħajjar fit-toroq fid-dawl tax-xemx. Meta jseħħu dawn l-affarijiert, ikun diffiċli li tfiehemhom lil uliedek. Dawn huma l-istess nies li tgħidx kemm tbaqbqu u rrabjaw għax qalu li hemm min irid iħassar il-kampanja tal-Istrina. Sa fejn naf jien, ebda organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ma tniffset dwar l-Istrina. Meta kont fuq it-televiżjoni, jien m’għidt lil ħadd biex jibbojkottja lill-Istrina. Iżda f’daqqa waħda sirna l-mostri li jridu jħassru l-festi. Dawk li qed igħajjruna prostituti u tradituri u li qed iħeġġuna biex noqtlu lilna nfusna qed jagħmlu dan għax mingħalihom li qed jagħtu xi servizz lin-nazzjon. Iżda fil-fatt qed jagħmlu dan għaliex huma mxewxin mill-mezzi tax-xandir tal-Labour li għalihom huma l-ilħna li jħarsu l-interess nazzjonali.
Il-bieraħ One TV xandru ritratt tiegħi taħt il-kliem li nhar il-Ġimgħa d-dimostranti bdew igħajjru lill-paralimpiċi. M’għandniex xi ngħidu, din ma kienet xejn ħlief gidba sfaċċata. Għax, tafu intom, peress li jien tant jien imxajtan li nasal biex nipprotesta kontra Joseph il-Kink, bilfors li jien imxajtan biżżejjed biex nipprotesta kontra dawk kollha li fid-dinja għandhom mis-sewwa, bħalma huma l-paralimpiċi.
Allura x’ikun ħaqqu mostru bħali?