Agħtu daqqa t’għajn lejn il-mod kif Neville Gafà qabeż qabża fuq Evarist Bartolo talli dan m’huwiex jixgħel ix-xemgħat u jfaħħar lill-mafia state ta’ Joseph Muscat. Ara ma jkunx hawn min imur jiġri bl-idea li qed nieħu xi pjaċir nara żewġ Laburisti jitlewmu fil-beraħ. Il-litanija dwar l-“għaqda” u l-“firda” fil-partiti politiċi lili ma tappellali xejn. Għalija partit politiku m’huwiex xi setta u dan ma jistax ħlief ifisser li napprova n-nuqqas ta’ qbil.

Iżda l-battibekk bejn Gafà u Bartolo m’hix dwar xi nuqqas ta’ qbil.

Hawn għandna l-mafja tagħmel l-arja ma’ min qed jopponiha. U l-lealtajiet fi ħdan il-partit il-mafja ma’ jinteressawha xejn. Chris Fearne għadu qed jibqa’ jgħid li “jħossu ttradut b’dak li seħħ”. Aktar ma jibqa’ jirrepeti dan il-kliem, qed joħroġ ċar li dan il-kliem huwa tradiment minnu nnifsu. It-tradiment iseħħ meta jkun hemm iż-żlealtà. Jekk Keith Schembri jgħaddi dokumenti sigrieti tal-partit lil Adrian Delia, Chris Fearne jkollu raġun li jħossu tradut għaliex Keith Schembri jkun wera’ żlealtà fil-konfront tal-partit tagħhom. Jekk Keith Schembri jgħaddi dokumenti sigrieti tal-gvern lil xi ġellied Libjan, Chris Fearne jkollu raġun li jħossu tradut għaliex Keith Schembri kien ikun żleali lejn pajjiżu.

Chris Fearne mhuwiex igħid għaliex qed iħossu tradut. Keith Schembri u Konrad Mizzi abbużaw mis-setgħa politika biex iħaxxnu bwiethom. S’issa rriżulta li Keith Schembri għen biex jitwettaq cover-up tal-assassinju li twettaq biex igħatti t-tixħim. Jista’ jkun ukoll li għamel agħar minn hekk. Dan m’huwiex tradiment iżda huwa delitt kriminali. Neville Gafà huwa membru ta’ din il-konġura kriminali.

Meta nsostnu li Keith Schembri għandu jiġi investigat minħabba kxif ta’ sigrieti uffiċjali tal-istat, bosta ħasbu li qed infittxu x-xagħra f’għaġina. Il-kxif ta’ sigrieti uffiċjali tal-istat huwa delitt kriminali mill-aktar serju u att ta’ korruzzjoni. Hu u jikteb dwar politiku rikattat fl-Ingilterra ta’ żmien ir-Reġina Vittorja, Oscar Wilde kiteb f’An Ideal Husband dwar segretarju ta’ ministru li kien qala’ l-flus wara li investa f’azzjonijiet għax kien jaf b’sigrieti uffiċjali tal-istat. Issa nafu fiċ-ċert li Keith Schembri għamel użu illegali minn sigrieti uffiċjali biex igħaddi informazzjoni lil Yorgen Fenech, persuna li kienet taħt suspett dwar qtil kapitali. Tenut kont tal-fatt li Keith Schembri għandu interessi tan-negozju fil-Libja, x’għamel dan bl-informazzjoni sigrieta li kien jaf biha dwar dak il-pajjiż? X’għamel bl-informazzjoni li kellu dwar il-kuntrabandu taż-żejt? B’dik l-informazzjoni f’idejħ, x’bgħat lil Gafà jagħmel fil-Libja? Tistgħu tibdew biex timmaġinaw l-enormità tar-riskji lis-sigurtà ta’ dan il-pajjiż b’sigrieti uffiċjali f’idejn Keith Schembri?

Uffiċjalment Keith Schembri m’għadux fis-setgħa. Iżda dan il-fatt żamm lil Neville Gafà milli jkompli jgħaddilu s-sigrieti uffiċjali? Ebda Evarist Bartolo jew ħaddieħor m’hu ser iżommu milli jibqa’ jħaxxen bwietu.