Matul is-sena 2020, il-konsumaturi tal-enerġija Maltin mistennija li jkomplu jżidu l-profitti tas-sidien tal-Electrogas grazzi għall-fatt li l-prezz dinji tas-suq tal-liquid natural gas (LNG) se jkompli jorħos minħabba żieda fil-kwantità tal-prodott fis-suq u minħabba produzzjoni żejda tal-istess prodott fl-Istati Uniti, fir-Russja, fil-Qatar u f’pajjiżi oħra li jipproduċuħ u li jesportawħ.
Minkejja l-fatt li l-Enemed, id-distributur Malti tal-enerġija, hi marbuta b’kuntratt li tixtri l-enerġija mill-Electrogas anki jekk ikun hemm prodott orħos fis-suq permezz tal-interconnector Sqalli ta’ taħt il-baħar, il-konsumaturi Maltin tal-enerġija mhux mistennija jgawdu mit-tnaqqis konsiderevoli fil-prezz.
Fil-fatt, fl-2018 il-konsumaturi Maltin diġà ħallsu rati li huma aktar għoljin minn dawk tas-suq, liema rati kienu madwar id-doppju ta’ dak li mistennija jkunu fl-2020.
Dan għar-raġuni li l-prezz li l-Enemed tinsab marbuta li tħallas lill-Electrogas għall-enerġija huwa stabilit bil-quddiem għal 18 il-sena, jkunu x’ikunu l-prezzijiet tas-suq. Minn analiżi li kienet saret fl-2018 minn The Guardian jirriżulta li l-konsumaturi Maltin kienu diġà qed iħallsu “minn imneħirhom” għall-enerġija minkejja l-prezzijiet dinjin tas-suq li paragunati mal-livelli tal-2020, diġà kienu għoljin ħafna.
Il-kumpannija statali tal-Ażerbajġan SOCAR, li hi sidt terz tal-Electrogas, suppost għandha tforni lill-Electrogas bil-gass u, minn naħa tagħha, l-Electrogas tforni l-enerġija lill-Enemed. Iżda l-prezz fiss li kien ġie miftiehem tant kien aktar għoli mill-prezz tas-suq tal-LNG li, minflok forniet bil-gass tagħha stess, is-SOCAR xtrat il-gass mix-Shell mis-suq internazzjonali, reġgħet biegħetu lill-Electrogas u għamlet kemxa ġmielha tista’ tgħid mingħajr sforz ta’ xejn.
U kienu l-konsumaturi Maltin li spiċċaw ħallsu d-differenza.
Fil-frattemp, il-konsumaturi madwar id-dinja tal-enerġija mill-gass is-sena d-dieħla mistennija jgawdu minn roħs fil-prezzijiet tad-dawl. Dan ir-rapport imxandar minn The Guardian igħid li fir-Renju Unit il-prezz tas-suq għall-gass niżel għal prezz rekord ta’ 24.75p kull therm f’Settembru paragunat mal-prezz medju ta’ 55.63p fl-istess xahar is-sena li għaddiet hekk kif l-importazzjoni tal-LNG kompliet tiżdied.
“In-numru rekord ta’ konsenji li waslu fir-Renju Unit żammew il-prezz tas-suq tal-gass taħt l-40p kull therm, minkejja l-fatt li t-temp qed jiksaħ, u bosta huma dawk l-esperti li jemmnu li l-prezz se jkompli jorħos fix-xhur li ġejjin”.
Hekk kif il-prezz tal-materja prima għall-Electrogas qed ikompli jorħos, il-prezz tal-bejgħ għall-fornitura lill-Enemalta baqa’ l-istess u l-profitti għas-sidien tagħha mistennija li jisplodu ‘l fuq. Fil-frattemp, l-industriji Maltin, partikolarment dawk tat-turiżmu u tal-manifattura, ser titnaqqsilhom il-kompetittività hekk kif il-kompetituri tagħhom f’pajjiżi oħra se jgawdu minn roħs fil-prezz tal-enerġija. Roħs li l-industrija lokali mhux se tkun tista’ tgawdi minnu.
Dan ser jagħti daqqa ta’ ħarta oħra lill-ekonomija Maltija: il-kuntratt tal-Electrogas ta lis-sidien tiegħu il-vantaġġi kollha li jista’ biss jiġi spjegat bis-saħħa tal-korruzzjoni li twettqet.
It-Times of Malta xandret rapporti dwar l-għoti ta’ rigali ta’ arloġġi tal-idejn li jiswew għexieren tal-eluf u ta’ nbejjed fini li jiswew madwar €7,000.
Yorgen Fenech ġie mixli li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li kienet kixfet l-eżistenza ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama li s-sidien tagħhom huma Keith Schembri u Konrad Mizzi, liema kumpanniji kienu mistennija jirċievu flus f’tixħim ta’ €5,000 kuljum. Daphne kienet ukoll kitbet li s-sid ta’ Egrant, it-tielet kumpannija sigrieta tal-Panama, hi l-familja ta’ Joseph Muscat. Minn inkjesta li saret wara, rriżulta li ma kienx hemm provi li setgħu jikkonfermaw dan.
Wara li kien seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalisti li jaħdmu fi ħdan ‘The Daphne Project’ xandru provi li Yorgen Fenech huwa sid is-17 Black, waħda minn żewġ kumpanniji reġistrati fid-Dubaj li kellha tħallas flejjes ġejjin mit-tixħim lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.