Qed nirċievi numru ta’ rapporti mhux konfermati li Keith Schembri, dak li kien iċ-chief of staff tal-prim ministru skreditat Joseph Muscat, ser isiefer barra l-pajjiż mal-familja tiegħu. Waqt li qed nikteb, hu u l-membri tal-familja tiegħu qed jistennew fil-VIP area qabel jirkbu fuq ajruplan.

Skond il-Pulizija, Keith Schembri qed jiġi investigat dwar allegat involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa kien ġie arrestat fis-7 ta’ Diċembru eżatt wara r-riżenja tiegħu u dan wara li l-Pulizija ssuspettat li kien ta struzzjonijiet lil Yorgen Fenech dwar x’għandu jagħmel biex jaħrab mill-arrest u jwaħħal ir-responsabbiltà tad-delitt fuq il-Ministru Chris Cardona.

Madankollu, huwa nħeles wara 72 siegħa. Dakinhar il-Pulizija kienet ħarġet stqarrija li fiha qalet li ma kienx hemm raġuni għala kellha żżomm lil Keith Schembri taħt arrest. U dan minkejja l-fatt li bil-ġurament tiegħu Yorgen Fenech kien implika lil Keith Schembri fil-konġura tal-qtil filwaqt li Melvin Theuma – konġurist ieħor li ġie mogħti l-proklama minn Joseph Muscat – xehed dwar laqgħa lil kellu ma’ Keith Schembri f’dik il-ġimgħa stess li fiha kien ingħata l-ordni biex jorganizza l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fis-17 ta’ Diċembru, l-qorti ħarġet ordni biex jiġi arrestat Keith Schembri wara li dan kien naqas li jidher il-qorti biex jixhed f’kawża kostituzzjonali ppreżentata minn Yorgen Fenech. Aktar tard allega li ma kienx jaf li kellu jitla’ jixhed f’kawża u twassal il-qorti f’karrozza ta’ uffiċjal tal-qorti.

Fid-19 ta’ Diċembru fil-qorti l-investigatur prinċipali l-Ispettur Keith Arnaud qal li Keith Schembri kien qed jiġi investigat fuq qtil u fuq tbagħbis ta’ provi. Madankollu, l-Pulizija kkonfermat li kien hemm xi dewmien ta’ numru ta’ ġranet għall-ġbir tal-provi mill-uffiċċji u mill-apparat elettroniku ta’ Keith Schembri. L-Ispettur Arnaud xehed li l-mobile ta’ Keith Schembri ma setgħax jiġi eżaminat għaliex, meta talbuhulu, Keith Schembri qal li kien tilfu. Lanqas ma saret xi tfittxija fl-uffiċċji ta’ Keith Schembri fil-kwartier ġenerali tal-Partit Laburista.

Minn dakinhar li nħeles fid-9 ta’ Diċembru, kien hawn għajdut li Keith Schembri ħarab mill-pajjiż u b’mod regolari huwa ħareġ stqarrijiet biex jiċħad li għandu l-intenzjoni li jaħrab.

Minkejja r-riskji kollha li jeżistu, ma jidhirx li l-Pulizija mponew xi kundizzjonijiet fuq Keith Schembri b’xi garanzija sakemm tintemm l-investigazzjoni li qed issir dwaru.

Għejjun fl-ajruport qaluli li waqt li kien fl-ajruport, Keith Schembri kellu l-mobile f’idu.