Il-lejl li għadda, attivisti u voluntiera tqassmu bejniethom biex jagħmlu l-għassa mas-sit tal-protesta li jsejjaħ biex issir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u dan sabiex ma jintmess xejn mill-mafkar sal-għada filgħodu Jum ir-Repubblika.

Din l-azzjoni silenzjuża ta’ sfida kompliet issaħħaħ l-impenn tas-soċjetà ċivili li ma jċedux qabel tfeġġ il-verità kollha u ssir ġustizzja. Hekk kif komplew joħorġu d-dettalji fil-qorti minn xhieda li huma stess ippjanaw u wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jidher aktar ċar il-qerq tal-gvern li jrid ibellagħha li qed jagħmel sforz biex il-provi jkunu ħielsa mit-tniġġiż politiku.

Il-koperazzjoni mill-qrib ta’ Keith Schembri u ta’ ħaddiema oħrajn fl-uffiċċju tal-prim ministru ma’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma u l-aħwa Degiorgio matul diversi stadji tal-istorja kollha tinsab konfermata mix-xhieda li taw diversi persuni kompriż ix-xhud li ingħata l-proklama minn Joseph Muscat bi bdil ma’ provi li l-istat jidhrilu li għandhom mis-sewwa.

Hekk kif Joseph Muscat jibqa’ fil-kariga, hekk kif Keith Schembri jkompli jingħata informazzjoni mill-uffiċċju tal-prim ministru permezz ta’ Neville Gafà u hekk kif ħaddiema minn dan l-uffiċċju jibqa’ jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar l-investigazzjoni bis-setgħa li jimmanipulawha, tiżdied il-ħtieġa li l-kampanja favur il-verità u l-ġustizzja għal Daphne li issa ilha għaddejja għal 26 xahar tibqa’ tissaħħaħ u tintensifika.