1. Illum qed jidher ċar iktar minn qatt qabel illi Melvyn u Keith kienu ħafna aktar viċin milli oriġinarjament maħsub. Dan il-fatt, Yorgen seta ma kienx jafu, jew jekk kien jafu, kapaċi ħaseb li Melvyn kien ħafna aktar viċin tiegħu, milli kien viċin ta’ Keith Schembri. Allura kien jafdah.

2. Meta sar il- ftehim u ttieħdet id-deċiżjoni biex tinqatel Daphne, għadu mhux ċar kemm kien hemm nies involuti bħala l-mandanti. S’issa, issemmew tnejn. Tressaq wieħed, Yorgen Fenech. Yorgen Fenech pero’, jgħid illi l-moħħ ewlieni kien Keith Schembri mhux hu. Jgħid li hu biss ħa l-iżbriga biex isibu lil xi ħadd, illum nafu li hu Melvyn Theuma, illi minn naħa tiegħu kellu jsib lil min jeqred lil Daphne Caruana Galizia. Dawn llum nafu li huma t-tlett persuni li huma akkużati bl-assassinju.

3. Issa Keith Schembri, seta, wara dahar Yorgen, jiftiehem ma’ Melvyn biex il-konversazzjonijiet ma’ Yorgen dwar il-qtil, jiġu reġistrati, bil-għan illi jekk, xi darba ‘il quddiem, jinqabdu, dan Theuma, kien ikollu għodda biex jekk jiġi dahru mal-ħajt seta’ jgħaddi r-recordings tat-telefonati li kellu ma’ Yorgen lill-Pulizija u jgħinhom isolvu l-assassinju ta’ Daphne. B’hekk jitwaddab kollox fuq Yorgen, waħdu. Keith Schembri ma jkun implikat imkien.

4. Jista’ jkun ukoll illi ma kien hemm l-ebda ftehim bejn Keith u Melvyn biex jirreġistraw il-konversazzjonijiet ta’ bejn Melvyn u Yorgen. Imma Melvyn, għaliex midħla sewwa taċ-ċirku tal-kriminalita, jirreġistra kollox biex jirrikatta jew jhedded li juża dik l-informazzjoni jekk u meta jkollu bżonn biex jottjeni li jrid mingħand Fenech u Schembri.

5. Jekk hemm ftehim, x’aktarx, Melvyn allura seta biegħ lil Yorgen bil-patt li ma jikxifx lil Keith, li min-naħa tiegħu, barra li jippremjah bil-flus li kellu jitħallas għall-parti tiegħu fid-delitt, kellu wkoll il-kelma ta’ Keith li jirranġalu għall-maħfra għall-involviment tiegħu fl-omiċidju, kif ukoll għall-involvement tiegħu b’rabta ma’ reati oħra ta’ ħasil ta’ flus, fost reati oħra.

Dana dejjem f’każ li jinqabdu. Ma ninsewx.

6. Melvyn jinqabad fuq investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus u dan fil-pront jgħid li għandu provi biżżejjed sabiex jgħin lill-pulizija ssolvi l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia pero’ biex jgħid li jaf, hu kien ser jitlob maħfra Presidenzjali.

7. F’dal-mument kull persuna involut tidħol f’ferneżija panikuża bl-għan uniku ta’ kull wieħed minnhom hu, li jekk ma jistgħux isalvaw kollha flimkien, kull wieħed għar-rasu biex isalva lilu nniffsu.

8. Keith jinforma lil Yorgen li faqqgħet il-bomba u li hu (Yorgen) ser ikun arrestat fil-jiem li ġejjin. Il-pjanijiet biex Yorgen jaħrab, għal raġunijiet li s’issa għadhom mhux magħrufa, ifallu.

F’każ li hemm il-ftehim li semmejt qabel bejn Keith u Melvyn biex jitfgħu kollox fuq Yorgen, issa li ħareġ kollox, Keith mhux komdu li tefa’ lil Yorgen fi xkora. Yorgen jaf wisq u jaf li mhux ha jegħreq waħdu u x’aktarx Yorgen kapaċi jiftaħ ħalqu u jikxef kollox u jniżżel lil kulħadd miegħu.

Min-naħa l-oħra, jekk dan il-ftehim bejn Keith u Melvyn ma eżistiex u Melvyn ħaddem rasu u rreġistra t-telefonati biex ikollu arma biex jirrikatta biha, hekk allura, ħaġ’oħra. Hekk kif dan inqabad in konnessjoni mal-investigazzjoni tal-ħasil ta’ flus u ħarġet illi kien qed jitlob maħfra biex jixhed dwar informazzjoni li tista’ ssolvi l-assassinju ta’ Daphne, faqqgħet bomba u tefgħet f’paniku sħiħ lil dawk kollha involuti, jew li kienu jafu bil-pjan tal-assassinju, imma li baqgħu ma tkellmux.

9. Melvyn jingħata l-maħfra Presidenzjali biex jixhed dwar l-involviment ta’ Yorgen bħala l-mandant.

10. Yorgen jiġi arrestat u mitkellem għal diversi siegħat fir-residenza tiegħu sa tard bil-lejl. Mhux magħruf min kien preżenti. Fil-ħemda tal-lejl jittieħed id-depot. Ċirka 16-il siegħa wara li ġiet interċettata d-dgħisa kmieni filgħodu. Kulħadd kien mingħalih li Yorgen kien id-Depot, minn kmieni filgħodu pero ma kienx. Kien fl-appartament tiegħu u dam hemm sa xi nofs il-lejl. X’aktarx illi f’l-appartament ma kienx hemm biss il-pulizija imma persuni oħra jiddeliberaw l-aħjar pjan biex ma jweġġa’ ħadd jew iweġġgħu mill-inqas.

11. Yorgen ittieħed id- depot u waqt li hu arrestat u interrogat jgħid li qed iħoss uġiegħ f’sidru. It-tabib u ħabib ta’ Keith Schembri, Adrian Vella jirreferih Mater Dei għat-testijiet mediċi.

12. Keith jibgħat messaġġ permezz tat-tabib Adrian Vella l-isptar Mater Dei biex ma jikxfux u li jekk ma jikxfux, hu jista’ jgħinu.

13. Yorgen li issa safa maqbud fi xkora waħdu għax ingannah Melvyn waħdu jew għax issa safa ngannat mit-tnejn li huma, m’hu qed jafda lill-ebda wieħed minnhom u jibda jlablab u jsemmi lil Keith bħala l-mandanti u jgħid li għandu hafna x’iżid ma’ skandli oħra li jaf bihom, mhux konnessi mal-omiċidju.

14. Il-maħfra, lil Yorgen, Joseph Muscat, issa la ġew kif ġew l-affarjiet, ma jridx jerfagħha hu, għax qiegħed wisq viċin in-nar u jitfagħha fuq il-Kabinett, illi għar-raġunijiet li jafu huma biss, sakemm ma kienux imġiegħla, ma jagħtuhilux.

14(a) Kontra kull mistenni, Keith Schembri jigi rilaxxat mingħajr ma jitressaq f’nofs meeting tal-Kabinett b’dikjarazzjoni tal-pulizija illi ma hemmx provi biex jitressaq. Dana fil-mument li l-kabinett qed jiddeliberaw għandhomx iwarrbu lil Joseph Muscat.

15. Yorgen jitressaq il-Qorti.

16. Joseph Muscat, iħabbar li qed jerfa’ responsabilita politika u jirreżenja minħabba affarjiet li setgħu għamlu aħjar sħabu, pero dan ħa jagħmlu f’Jannar u jibqa’ fit-tmun għal 6 ġimgħat oħra.

X’għandu jiġri?

Muscat ma jistax ikompli jiġġustifika l-pożizzjoni bħala Kap tal-Gvern f’dan l-istadju.

Irid iwarrab minnufih u floku jiġi maħtur dak il-ministru li jgawdi l-fiduċja tal-kabinett.

Il-Kummissarju għandu jitħalla jiftiehem, fuq rakomandazzjoni tal-kabinett, sentenza ridotta mal-avukati ta’ Yorgen Fenech li għandu jikxef kull ma jaf fuq kull min kien involut fl-omiċidju, kif ukoll x’jaf fuq skandli oħra li seta kien involut fihom hu flimkien ma’ Keith Schembri u/jew terzi li jiffurmaw parti mill-Gvern.

Għandhom jiġu arrestati u interrogati l-persuni indikati minn Yorgen Fenech bħala involuti f’dan l-omicidju u jitressqu l-Qorti jekk hemm provi suffiċenti biex jitressqu.

Il-Qrati tagħna jitħallew jisimgħu u jiddeċiedu lil min jemmnu u jikkundannaw lil min jinstab ħati. M’hix ikkumplikata ħafna.

Hekk isiru l-affarijiet f’pajjiż demokratiku, fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu u jaħdmu kontra kulħadd bl-istess qies.

Joseph Muscat irid iwarrab minnufih u mhux fi żmien sitt ġimgħat.

Il-pajjiż ma jistax jibda triqtu t-twila biex jiġi għan-normal, jekk dan ma jseħħx.