L-apoloġisti li għadhom ma xebgħux jaqbżu għal Joseph Muscat, il-battalja li hawn fil-pajjiż bħalissa għall-kuxjenza ta’ Malta jridu jpinġuha bħallikieku hi xi taqbida bejn in-Nazzjonalisti u l-Laburisti. Dan huwa l-uniku mod li biħ qed jittamaw li jkunu jistgħu jikkonvinċu lill-votanti Laburisti biex jagħmlu dak li qatt qabel ma ġew mitluba li jagħmlu: jiġifieri li jagħlqu għajnejhom it-tnejn għall-qtil u li jdaħħluha f’rashom li kull min isostni li mhux sewwa li jitwettaq qtil ta’ ġurnalista u li jitgħatta dan il-delitt, ikun qed igħid dan għaliex irid li jkun hemm gvern tal-PN.

Din m’hi xejn ħlief assurdità ovvja, iżda b’xorti ħażina l-apoloġisti – kif jien inħobb insejjħilhom – fid-dagħdiha li jinsabu fiha qed idawwru swar ta’ difiża madwar Joseph Muscat u qed ilestu għall-battalja.

Agħtu ħarsa lejn il-lingwaġġ użat fil-Facebook mill-eks deputat Joe Brincat u minn Eddie Privitera fit-Times of Malta u, f’din il-battalja politika, tintebħu bid-differenza bejn dawk li jemmnu fil-valuri Ewropej u dawk li jinsabu assedjati bil-paranoja u bil-parrokkjaliżmu.

Il-bieraħ kont Londra u, flimkien ma’ John Sweeney u Carlo Bonini, attendejt għall-inawgurazzjoni tal-ktieb li ktibna flimkien u bosta kienu dawk minn fost il-mistednin li kien hemm li staqsewni jekk Joseph Muscat huwiex ser jattendi għal laqgħa tal-Kunsill Ewropew aktar tard dan ix-xahar.

Weġibt li ma kelli ebda dubju li ser jattendi. Għax dan mingħalih li, bis-saħħa tal-presenza tiegħu spalla ma’ spalla ma’ mexxejja Ewropej oħrajn, ikun jista’ jifdi r-reputazzjoni tiegħu mill-qiegħ li tinsab fiħ.

L-istess loġika tapplika wkoll għal laqgħa mal-Papa li hi tant mistennija minn Joseph Muscat. Hekk kif ibaxxi rasu biex ibus idejn il-Papa fil-presenza ta’ martu kollha qdusija liebsa l-iswed u taż-żewġ uliedu, mingħaliħ li se nibdew narawlu xi raġġiera ddur ma’ rasu. Dawk il-politiċi taparsi kattoliċi li ħakmu lil pajjiżhom qabel Joseph Muscat kienu għamlu xi ħaġa simili. Joseph Muscat ifakkarna ħafna f’Augusto Pinochet jew f’Robert Mugabe.

Bħal ma dejjem jiġri, il-Knisja Kattolika tifdi r-reputazzjoni tal-Mafjużi għaliex, kif kienet tfakkret is-Sinjura Corleone fil-film Godfather Part III, Alla jaħfer kollox. Ikun moralment ħażin jekk l-assassini jitħallew jagħtu x’jifhmu li nħafru mingħajr ma dawn ikunu mġiegħla jħossu ċerta mortifikazzjoni għal għemilhom.

Il-governanza Ewropea ma tqassamx maħfriet. Madankollu t-tendenza hi li dawk li jippużaw fir-ritratti mal-mexxejja tal-Kunsill Ewropew bi tbissima fuq fommhom jiġu leġittimati u Joseph Muscat mingħalih li r-reputazzjoni tiegħu tkun jista’ tinfeda’ bis-saħħa tar-reputazzjoni tajba li għandha Angela Merkel.

Imma issa l-affarijiet tant iddiġeneraw li mexxejja Ewropej jinsabu nkwetati li x-xmara tossika ġejja minn Malta se tilħaq lilhom ukoll. Dawn ser ikollhom jammettu li l-qafas kostituzzjonali Ewropew ma jistax iwaqqaf lil min huwa raġjonevolment suspettat bi tfixkil ta’ investigazzjoni dwar qtil – li s’issa involviet tliet uffiċjali tal-uffiċċju tiegħu – milli jpoġġi madwar il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jeffettwaw lill-Ewropa kollha.

L-unika arma li hemm għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tinsab f’Artiklu 7 tat-Trattat. Bis-saħħa ta’ dan l-Artiklu, tkun tista’ tiġi mposta piena kollettiva fuq pajjiż sħiħ f’każ ta’ mġieba ħażina minn naħa tal-gvern tiegħu. Jekk nibqgħu fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha u jiġi invokat Artiklu 7, il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-proġett Ewropew tiġi sospiża. Muscat u sħabu nafu x’għandhom f’moħħhom. F’għajnejhom is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tfisser opportunità biex jerdgħulha flusha u jekk, għal xi raġuni, jissospendulna l-parteċipazzjoni tagħna, dan ikun ifisser li dawn qed jittrattaw lil Malta bħala kolonja u li jiddeċiedu huma min għandu jiggvernana.

Il-verità m’hix li l-Ewropej qed iġibu ruħhom ta’ kolonjalisti. Huma Muscat u sħabu li qed iġibu ruħhom ta’ persuni kolonizzati huma u jerdgħu il-flus tal-kolonjalisti. Imġieba li għandha xamma ta’ Dom Mintoff.

Dan hu argument ma jreġi xejn. M’għandniex xi ngħidu, Malta hi stat sovran u hu l-poplu tagħha li jagħżel il-prim ministru tiegħu. Ebda pajjiż ieħor ma jista’ jneħħih mill-kariga. Jekk bħala prim ministru inkunu rridu ħalliel li jostakola l-investigazzjonijiet dwar qtil biex jipprova jsalva ġildu, affari tagħna. Madankollu, sforz l-għażliet li nagħmlu, ma nistgħux nippretendu li ħaddieħor se joqgħod jarana ħelwin speċjalment jekk dawn l-għażliet jikkaġunaw il-ħsara lil ħaddieħor.

Ħadd ma jiskanta meta politiku li jkun dahru mal-ħajt jibda’ jxewwex bil-mibgħeda kontra l-barranin.

Din il-problema nistgħu nsibu tarfha. Il-Partit Laburista għandu jifhem li l-Unjoni Ewropea ma tantx għandha ħeġġa li tinvoka artiklu 7 kontra Malta.

Għaliex mossa bħal din tista’ tispiċċa biex tipprovdi lil stati membri oħrajn bħall-Polonja u l-Ungerija – żewġ pajjiżi membri li diġà għandhom problemi mal-UE – b’alleat ieħor. Mossa li tista’ twassal biex taqsam lill-UE fi tnejn: bid-demokratiċi fuq naħa u l-faxxisti fuq naħa oħra. Fl-imgħoddi, l-Ewropa kienet inqasmet fi tnejn u l-proġett Ewropew kien tnieda biex sitwazzjoni bħal din ma tirrepetix ruħha mill-ġdid.

L-Unjoni Ewropea ma tridx tinvoka l-Artiklu 7 kontra Malta. Trid li Malta tiġi f’sensiha u ma tkomplix tippretendi li jkollha prim ministru mċappas li jattendi qisu mhux hu għal laqgħat tal-Kunsill Ewropew bħallikieku ma ġara’ xejn.

Il-kriżi li hawn bħalissa nistgħu nsibu tarfha. Hi minn ewl id-dinja li Joseph Muscat għandu jwarrab minnufiħ. M’għandux jibqa’ f’postu biex jikkuntenta l-mafja li trid tkun hi li tagħżel lill-prim ministru l-ġdid sabiex b’hekk Malta tibqa’ pajjiż immexxi minnha.

Hawn min lill-valuri tas-saltna tad-dritt u tad-demokrazija jqishom bħala “valuri Ewropej”. M’għandniex xi ngħidu, l-Olokawst u l-Gwerra ta’ Tletin Sena huma Ewropej ukoll. Iżda huma l-valuri demokratiċi li nħobbu nikkunsidrawhom bħala valuri Ewropej. F’pajjiż Ewropew fi ħdan l-UE, il-qtil organizzat mill-stat ma jista’ qatt ikun aċċettabbli.

Minflok joqgħodu jiddefendu l-indifensibbli, tal-Partit Laburista għandhom jaħdmu biex lil Malta ireġġuha lura għan-normalità fi ħdan il-familja Ewropea. Din hi ħaġa li huma biss jistgħu jagħmluha. Warrbu lill-korrotti. Warrbu lill-qattiela li fittxew li jgħattu xturhom. Warrbu lill-kompliċi tagħhom. U ħallu lill-pulizija fil–libertà li tinvestiga.

M’aħniex nitolbu wisq.

Photo by Miguela Xuereb.