Dak li kiteb l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba fil-Facebook m’hu xejn ħlief sensiela ta’ gideb. Il-fehma li Joseph Muscat għandu jwarrab minnufiħ m’hix xi waħda estremisti iżda hi waħda msejsa fuq il-fatt li l-uffiċju tiegħu u l-ħaddiema ta’ taħtu jinsabu mplikati f’investigazzjoni dwar qtil. Id-diżubbidjenza ċivili hi l-opposta tal-anarkija. Hi żieda fl-intensità tal-protesti qed issir għad-difiża tal-Istat u mhux kontra l-Istat. Li qed jintalab hu li l-uffiċjali tal-Istat isejsu l-imġieba tagħhom fuq prinċipji kostituzzjonali u demokratiċi. Dawk li qed jipprotestaw fit-toroq m’humiex qed jidistabiliżżaw lill-pajjiż. Il-pajjiż huwa wieħed instabbli għaliex tkexkex hekk kif skopra li qed ngħixu taħt gvern li jista’ joqtlok jekk ma jkollux grazzja miegħek jew li jista’ jqabbad lil ħaddieħor biex joqtlok u l-gvern ikun lest li jgħatti xtur il-qattiela biex dawn jgħadduha lixxa.

Il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-gvern tagħhom spiċċat fix-xejn.

Mhux veru li kien hemm xi ħadd li biel ma’ ħajt f’Kastilja. Li kieku huwa minnu li kien hemm min biel ma’ħajt, tajjeb li nsemmi li mġieba bħal din ma kienitx tkun fost l-agħar imġieba li qatt seħħet f’dak il-bini. Bejn il-ħitan ta’ Kastilja, lil Melvin Theuma kienu laqgħuh, kienu offrewlu l-kafè u kienu nġibdu r-ritratti tiegħu flimkien maċ-chief of staff tal-prim ministru f’dik il-ġimgħa stess li dan tqabbad biex iħejji għall-assassinju ta’ ġurnalista. Li kieku kien Keith Schembri stess li biel mal-ħajt tal-uffiċċju tiegħu, mhux neċessarjament konna nitolbu lil Joseph Muscat biex iwarrab.

Ħadd ma ttanta jitfa’ l-bieb ta’ Kastilja ‘l ġewwa. Iżda kienu l-ġurnalisti li ma tħallewx isegwu l-protesta u li jirrappurtaw dwarha. Għalkemm m’għamilt ebda stħarriġ, ninsab ċert li ħadd ma waddab il-bewl lejn il-membri parlamentari. Min għamel akkuża bħal din baqa’ ma ssostanzjahiex. Ħadd ma ttanta jidħol fil-bini tal-Parlament biex ikisser. M’hix ħaġa ta’ barra min hawn li jkun hemm min jidħol fl-Istranger’s gallery u ġaladarba dawk li ma tħallewx li jidħlu ma kellhom fuqhom ebda armi jew xi affarijiet oħrajn li setgħu jagħmlu ħsara lil ħaddieħor, min akkużahom li dawn riedu jwettqu l-vjolenza, huwa stess jista’ jitqies bħala vjolenti u intimidatorju.

Mhux veru li “tkissru” karrozzi ministerjali. Dawn għadhom iduru bihom fit-toroq qishom m’humiex huma.

Alex Agius Saliba jikkonkludi hekk: “Dan il-ġenn għandna naraw li jieqaf illum qabel għada. Pajjiżna ma jistax jibqa’ maħkum minn grupp żgħir ta’ nies li jaħsbu li huma ‘l fuq mil-liġi”.

Hekk hu, Alex Agius Saliba. Taf x’imissek tagħmel? Kellem naqra lil Joseph Muscat u għidlu jdabbar rasu minnufiħ.