Joseph Muscat għamel tweet b’awgurju tal-isbaħ xewqat għall-Milied.

Il-prim ministru skreditat ta’ Malta qed iġib ruħu bħal dak il-gvern li jkun wasal fl-aħħar żmien u li, b’ras iebsa liema bħalha, jibqa’ jirrifjuta li jifhem dak li jkun qed jiġri madwaru. Joseph Muscat m’huwiex waħdu. Waqt li fil-messaġġ tal-Milied tiegħu l-President ta’ Malta wera’ sogħba għall-mod kif kellna ntemmu s-sena 2019, Robert Abela – l-bniedem li jrid jilħaq prim ministru – ċaħad li Malta tinsab għaddejja minn xi kriżi.

M’hix ħaġa li qatt ma ġrat li wieħed jibqa’ jippersisti li jgħaddas rasu fir-ramel. L-irjus kienu bdew igħoddsu fir-ramel ftit wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kienet ġrajja li dakinhar wieħed bil-kemm seta’ jemminha. U issa li nafu ħafna aktar x’wassal għal din it-traġedja, s-sitwazzjoni xorta baqgħet waħda li bil-kemm wieħed jista’ jemminha.

Joseph Muscat m’huwiex xi imperatur u ma jistax iġorr mill-palazz tiegħu għal xi villa għall-kwiet. Il-bidla tkun seħħet dakinhar li l-verità ma tibqax tiġi miċħuda. Din hi l-ġlieda vera li għandna quddiemna: li kulħadd jibda’ jifhem f’liema sitwazzjoni tal-waħx ninsabu fiha.

Diġà hija xokkanti li jkollok prim ministru li jaċċetta b’rigal arloġġ jiswa’ l-belli liri mingħand kuntrattur. Iżda meta wieħed jiftakar li għandna prim ministru li ilu jgħatti x-xtur ta’ assassinju allegatament ordnat mill-istess kuntrattur, il-għotja ta’ rigal illegali u mxaħħam bħal dan jibda’ jinftiehem fil-kuntest tiegħu.

Joseph Muscat u l-klikka ta’ madwaru għamlu trietaq kull forma ta’ rispett – speċjalment mingħand is-segwaċi tagħhom – lejn dawk li jservu fil-ħajja pubblika. Dawn kissru wkoll ir-rispett li pajjiżna kellu lejh innifsu.

M’hemmx kastig fil-liġijiet tagħna għal imġieba bħal din. Joseph Muscat u l-klikka ta’ madwaru ser jibqgħu midjunin lejn il-pajjiż għall-ħsara kollha li wettqu.

Dan ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn. Nistgħu nibqgħu deċiżi fir-rieda tagħna li nibqgħu nfiehmu lill-poplu dwar il-kobor tad-delitt li dawn in-nies wettqu fuq pajjiżna. L-awguri tal-Milied li bgħatilna Joseph Muscat nistgħu nirreċiprokawhom b’wegħda li bi ħsiebna nibqgħu għaddejjin bil-kampanja tagħna sakemm il-pajjiż jiftaħ għajnejh beraħ dwar il-ħsara kollha li għamel.

Dan m’huwiex xi ħsieb mimli bl-idealiżmu iżda huwa wieħed prattiku. Qabel jibda’ l-proċess tat-tiswija, l-pajjiż jeħtieġ li jifhem u jintebaħ bil-ħmieġ u l-kallu li l-pajjiż jinsab mgħarraq fih. Triq oħra tkun li nimxu fuq il-parir ta’ Robert Abela u ngħixu bħal dak l-imperatur li jibqa’ jwebbes rasu u jibqa’ konvint li l-bidla mhix meħtieġa. U dan sakemm nispiċċaw nintradmu mir-realtà.

Il-klikka ta’ madwar Joseph Muscat jidhrilha li qdiet dmirijietha fil-konfront ta’ wliedha. Ħażnet biżżejjed rigali u flus mit-tixħim biex isserraħ rasha li l-ħtiġijiet materjali tagħha jkunu moqdija għas-snin li ġejjin. Iżda l-klikka m’hix tara aktar il-bogħod mill-ponta ta’ mnieħerha.

Id-dmirijiet lejn uliedna huma ħafna aktar wiesa’ minn hekk. Aħna obbligati li ngħaddulhom soċjetà ħielsa u ġusta li fiha jkunu jistgħu jilħqu l-milja tagħhom. Bosta huma dawk li ma jinteressawhom xejn l-arloġġi tal-idejn li jiswew il-belli liri. Dawn ma jiddilettawx bil-banek ilellxu fid-Dubaj jew b’dak kollu li jħobbu jdellku fuq ġisimhom in-nisa u l-ulied tat-tiranni orjentali.

Ikun biżżejjed għal bosta minna jekk ikollna moħħna mistrieħ li nistgħu nikbru f’pajjiżna u li naqilgħu l-ħobża ta’ kuljum mingħajr il-ħtieġa li nbaxxu rasna biex nagħtu qima lil partit jew lil klikka ta’ ħallelin. U li, fi żminijiet iebsin, l-istat ikun lest li jidħol għalina biex iħarisna.

Bosta huma dawk li huma tal-fehma li l-gvern m’għandux jindaħal fejn ma jesgħux. Iżda li ċertament għandu jindaħal biex iħares l-ambjent ta’ madwarna, biex jassigura edukazzjoni u servizz tas-saħħa xierqa għal kulħadd u biex ikun ta’ wens għalina fi żminijiet iebsin.

Uliedna ma jridux prim ministru li nhar il-Milied isibuh ma’ wiċċhom b’awgurju sarkastiku. Iżda jridu prim ministru li jwettaq xogħol li huwa mħallas biex iwettaq.

Sakemm ikollna prim ministri li ma jidhrihomx li f’dan il-Milied għandna għalxiex inħossu niket, uliedna se jiġu mċaħħda minn ġejjieni li jixirqilhom.

Dan m’huwiex aċċettabbli. U ser nibqgħu nipprotestaw sakemm il-mexxejja tagħna dan il-messaġġ jibdew jifhmuh jew sakemm jagħmlu l-wisa’ għal dawk li jifhmuh.