Wara li xxandar rapport minn f’Lovin Malta dwar l-arloġġ tal-idejn tad-ditta Bulgari li jiswa’ eluf ta’ ewro u li Joseph Muscat aċċetta b’rigal, illum Repubblika ppreżentat rapport li fih talbet lill-Pulizija biex tinvestiga din l-għotja bħala forma ta’ tixħim.

Dan l-arloġġ tal-idejn kien ingħata b’rigal fi żmien meta l-Konsorzju Electrogas ta’ Yorgen Fenech kien jinsab dahru mal-ħajt u kien ġie bżonn l-intervent tal-gvern. Meta s-sieħba maġġoritarja tal-Electrogas – il-kumpannija Gasol – falliet, Yorgen Fenech u sħabu lill-kuntratt kien messhom raddewlu is-salib. Kienu tilfu s-soċju li kellu l-esperjenza f’proġetti tal-gass kif ukoll il-finanzjament meħtieġ. Il-konsorzju li kien intagħżel minn Brian Tonna kien falla u, bi dritt, il-kuntratt kien messu għadda f’idejn ħaddieħor.

Iżda l-gvern ra kif għamel biex jaqdi lill-konsorzju u l-kuntratt – li faċilment seta’ ntrebaħ minn ħaddieħor wara li tneħħiet il-ħtieġa ta’ investment kapitali – tħalla f’idejn l-Electrogas wara li l-gvern kien ġiegħel lill-Bank of Valletta jislifhom il-flus li kienu jeħtieġu biex jibnu power station u jagħmel garanzija fuq il-biċċa l-kbira tal-istess self.

Fuq l-internet għadhom jimirħu numru ta’ trolls. Dawn mhux biss qiegħdin jagħmlu stqarrijiet bla sens iżda qiegħdin jiktbu salt gideb. Mhux veru li “taħt in-Nazzjonalisti” kellna ministri li aċċettaw rigali mingħand kuntratturi li jiswew għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Ma jista’ qatt isir paragun mal-arloġġ tal-lira li kien ingħata b’rigal lil Tonio Fenech li kien jiswa’ mal-400 ewro – rigal li minħabba fih tal-Labour riedu jsallbuh politikament.

Lanqas m’hu veru li “taħt in-Nazzjonalisti” l-gvern kien intervjena biex iġiegħel bank joħroġ garanzija għal investiment li suppost kellhom jagħmluh l-investituri. Fl-istorja ta’ Malta qatt ma sar intervent bħal dan fuq kuntratt ta’ dan il-kobor.

U r-raġuni għal dan hu li “taħt in-Nazzjonalisti” ma kienx iseħħ l-iskandlu tal-Electrogas. U mhux taħt in-“Nazzjonalisti” biss. Għandi għalxiex nifhem li Alfred Sant żgur ma kienx iħalli ġenn bħal dan iseħħ taħt gvern immexxi minnu.

Għal dawn l-aħħar 48 siegħa Joseph Muscat ipprova jiżloq milli jwieġeb dwar l-iskandlu riċenti tal-arloġġ tal-idejn tal-Bulgari. Wara li Repubblika għamlet ir-rapport tagħha mal-pulizija, b’reazzjoni ħareġ stqarrija li fiha naqas li jiċħad kategorikament li kien ingħata dan ir-rigal mingħand Yorgen Fenech. Fil-fatt, l-istqarrija tiegħu tikkonferma li fil-fatt dan ir-rigal kien irċievih. Joseph Muscat bħal donnu jippretendi li għandna nkunu grati lejh talli ppermetta li Yorgen Fenech jiġi mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħallikieku hu xogħolu li jiddeċiedi x’għandu jew x’m’għandux iseħħ.

Huwa stqarr li ppermetta li jiġi mixli Yorgen Fenech minkejja r-rikatt li sar fil-konfront tiegħu. Aktar l-isfel tistgħu taqraw il-kliem eżatt tal-istqarrija. Joseph Muscat bħalissa qiegħed jilgħab man-nar u m’hemmx dubju li qiegħed jagħżel kliemu b’ċertu galbu. Dan li ġej huwa dak li qed nifhem jien dwar dak li Muscat qed jipprova jibqa’ lura milli jgħid iżda li jgħidu xorta waħda qed igħidu permezz ta’ kitbietu.

Joseph Muscat qed igħid li kien jaf li l-arrest ta’ Yorgen Fenech kien ser iwassal biex jinkixfu fatti li kienu ser jimbarazzawh bil-kbir. Milli jidher dawn l-iskandli qed jinkixfu bil-mod il-mod mill-avukati ta’ Yorgen Fenech li qed ifornu lill-istampa b’lista twila u xokkanti ta’ skandli bit-tama li jkunu jistgħu jġiegħelu lill-gvern jasal għal xi ftehim ta’ proklama jew xi ftehim ieħor ma’ Yorgen Fenech.

Ftit ilu smajna l-istorja dwar il-vjaġġ lejn Firenze li Yorgen Fenech kien għamel flimkien ma’ Keith Schembri u ma’ Joseph Muscat, kollox imħallas minn Ali Sadr Hasheminejad, li kien is-sid tal-Pilatus Bank u l-bankier tal-korrotti f’Malta u lil hinn minnha.

U issa feġġet l-istorja tal-arloġġ tal-idejn. Storja li hi skandlu minnha nnifisha. Anki li kieku dan l-iskandlu ma kellux rabta mal-kuntratti jintnu tal-power station – biex ma nsemmux ukoll ir-rabta ma’ assassinju – il-fatt li Joseph Muscat kien aċċetta rigal ta’ dan il-valur kien ikun biżżejjed biex jiġi mġiegel iwarrab.

Fl-istqarrija tiegħu, Joseph Muscat bħal donnu jippretendi li għandna noqgħodu nfaħħruh talli ppermetta li Yorgen Fenech jiġi mixli bi qtil minkejja li kien jaf li kien ser jinkixef dwar l-arloġġ tal-idejn li kien aċċetta b’rigal. Għandi għal xiex naħseb li Yorgen Fenech għadu ma kixifx il-karti kollha.

Matul is-sena 2019 stajna nintebħu li Joseph Muscat diġà kien jaf li l-ġejjieni politiku tiegħu kien ser jersaq lejn xifer l-irdum. Dan kollu għaliex kien qed jistenna’ li tfeġġ din l-istorja ma jfissirx li hu xi eroj. M’għandniex xi ngħidu, kien qed jistenna’ li – f’ħin jew ieħor – tfeġġ din l-istorja. Hu kien jaf bl-arloġġ filwaqt li aħna ma konna nafu b’xejn. Hu biss jaf kemm għad irid jitla’ aktar ħmieġ fil-wiċċ.

Joseph Muscat kien jaf ben tajjeb kemm hu serju dan l-iskandlu. F’din l-istorja u fl-ammissjoni tiegħu li kien qed jiġi rikattat dwarha, hemm il-ġustifikazzjoni kollha tat-tfassil tar-regolamenti li jipprojbixxu lill-ġudikanti, lill-impjegati tal-gvern u lill-politiċi milli jaċċettaw rigali li jiswew ħafna flus mingħand ħaddieħor, b’mod partikolari mingħand dawk li dwarhom ikunu ser jeżerċitaw is-setgħat tagħhom u jieħdu d-deċiżjonijiet.

Huwa appuntu għaliex Joseph Muscat kien qiegħed lilu nnifsu fil-pożizzjoni li seta’ jiġi rikattat minn Yorgen Fenech li kien messu bgħatlu lura l-arloġġ.

Li kieku kellu għaqal biżżejjed li jibgħat l-arloġġ lura minn fejn kien ġie u li kieku lil Yorgen Fenech kien laqgħalu mill-bidu nett, Joseph Muscat ma kienx jaqa’ fin-nasba li jinsab fiha bħalissa.

Għal tliet snin sħaħ bqajna ma stajniex nifhmu eżatt il-għala Joseph Muscat kien naqas li jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Iżda, aħna u nitħassbu, konna nafu li r-raġuni hi li Joseph Muscat huwa korrott, li xxaħħam u li ħa deċiżjonijiet pubbliċi li kienu jgħoddu għal butu.

Qed ngħixu sitwazzjoni li hi mingħajr preċedent. U s-sitwazzjoni tibqa’ dik li hi minkejja l-fatt li Joseph Muscat qed jipprova jiġbor ġieħu b’żjarat fil-Vatikan, f’Betlem u llum f’dik li hi meqjusa bħala l-qofol tal-pellegrinaġġi reliġjużi, l-Istrina.

Bilħaqq. Fil-fehma tiegħi, l-President għandu raġun meta jgħid li m’għandux is-setgħa li jkeċċi lil Joseph Muscat. Iżda meta jkun ma’ ġenbu – kif kien illum fl-Istrina – u jġib ruħu bħallikieku ma kienx ma’ ġenb bniedem korrott u skreditat li x’aktarx jinsab implikat fi qtil, il-President George Vella ikun qed imur oltre minn dak li hu mistenni minnu u bl-imġieba tiegħu jkun qed igħin lil Joseph Muscat jilbes il-libsa ta’ prim ministru meta fil-fatt m’hu xejn ħlief ħalliel u giddieb.

U wara li llum intbagħat ir-rapport ta’ Repubblika, Muscat ikun jeħtieġ li jispjega lill-Pulizija il-għala dak li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien taħ arloġġ tal-idejn li jiswa’ l-belli liri.