Jidher li m’hemmx tmiem għal din l-istorja.
Joseph Muscat għadu jinsisti li qed imexxi l-pajjiż bħala caretaker minn jum għal jum u li qed jaqgħod lura milli jieħu deċiżjonijiet importanti. Min jaf x’ried ifisser b’dan? Jaqaw qiegħed jissorvelja l-makna li ssaħħan il-bini li tinsab fil-kantina ta’ Kastilja? Jew forsi qed jibdel il-washers tal-flushing tal-lokijiet ta’ Strada Stretta?
Illum ħatar lill-Imħallef irtirat Antonio Mizzi biex jissokta x-xogħol tal-avukat tiegħu Pawlu Lia. Mid-dehra li għal dawn l-aħħar sena u nofs Pawlu Lia qagħad jifli bir-reqqa r-rapport tal-inkjesta Egrant u ddeċieda liema huma l-brani li m’għandniex naqraw.
Il-konflitti tal-interess ma jistgħux ikunu aktar lampanti milli huma. Pawlu Lia m’għadux jidher għal Keith Schembri għalkemm għadu jidher għal Joseph Muscat. Fil-frattemp, il-mara ta’ ibnu inħatret bħala Maġistrat għalkemm din kellha tirrikuża ruħha milli tisma’ sensiela ta’ kawżi minħabba kunflitti ta’ interess.
Antonio Mizzi ma tantx jista’ jserraħ imħuħ. Peress li martu hi politiku Laburista, il-ġudizzju tiegħu f’każ hekk sensittiv bħalma hu l-inkjesta Egrant jista’ jkun wieħed li jqanqal suspetti.
Fil-frattemp, ħadd għadu m’għamel attentat biex jispjega kif Melvin Theuma – is-sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – jidher li kien emmen li l-mixli Yorgen Fenech seta’ “jkellem lill-Imħallef Mizzi” biex jirranġa l-libertà proviżorja għal sħabu l-aħwa Degiorgio u għal Ċensu Muscat sakemm isir il-ġuri.
M’għandniex xi ngħidu, jista’ jkun li dan kollu kien frott tal-inġenwinità ta’ Melvyn Theuma. Ejjew nassumu li kien hekk. Iżda jiena ngħid li jekk huwa minnu li dan wera’ nġenwinità dwar il-mod kif isir ix-xogħol tal-imħallfin, ma kienx ikun daqshekk speċifiku fi kliemu u lil Yorgen Fenech kien jistaqsih biex ikellem lil “xi mħallef li kien jaf hu” biex isib tarf tal-problema tal-aħwa Degiorgio.
Iżda Melvin Theuma mhux hekk għamel. Għal xi raġuni deherlu li Antonio Mizzi kienet il-persuna ideali li setgħet taqdihom.
Min jaf għaliex hux?
U waqt li qed nippruvaw insibu tweġiba għal din il-mistoqsija, il-prim ministru “caretaker” Joseph Muscat talab lil Antonio Mizzi biex iħassar biċċiet mir-riżultati tal-inkjesta fejn għandu x’jaqsam hu.
Jaqaw insejtu? L-inkjesta Egrant hi dwar Joseph Muscat innifsu. Iżda dan għadu ma warrabx u għalhekk għad għandu s-setgħa li jiddeċiedi x’għandu jseħħ f’investigazzjonijiet dwar l-imġieba tiegħu stess.