Stqarrija ta’ Repubblika
Illejla Joseph Muscat irreżenja biex jibqa’ ġewwa l-Uffiċju tal-Prim Ministru minflok jitlaq minnu.
Joseph Muscat hu fil-qalba tal-akbar skandlu fl-istorja politika ta’ Malta. Imma mhux għalhekk biss imissu jitlaq minn Kastilja immedjatament. Jeħtieġ jitlaq minn Kastilja immedjatament għax hemm bżonn li jkun investigat. Hemm bzonn jitlaq biex ikunu ppreservati l-provi.
Jeżisti suspett raġjonevoli u serju li Joseph Muscat tal-anqas ħa sehem u qed jieħu sehem f’cover up biex jeħles lil sħabu mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minħabba dan is-suspett, jeżisti allura s-suspett raġjonevoli li Joseph Muscat għandu aktar responsabbiltajiet diretti u gravi.
Joseph Muscat għandu jgħaddi issa iċ-ċwievet ta’ Kastilja lid-deputat tiegħu
Il-pulizija għandha immedjatament titlob li tinfetaħ inkjesta maġisterjali biex jiġu ppreservati l-provi. Dawn għandhom jinkludu s-servers tal-email accounts li għandhu Joseph Muscat minbarra dak uffiċjali.
Għandha ssir prelevazzjoni urġenti tal-provi mid-dar ta’ Joseph Muscat fejn Keith Schembri qatta’ l-aħħar lejl qabel ġie arrestat.
Joseph Muscat f’Kastilja sat-12 ta’ Jannar hu theddida u insult għall-proċess tal-ġustizzja li Joseph Muscat illu jipperverti tlett snin u nofs.
Joseph Muscat, itlaq issa!
Se niltaqgħu għada fl-4pm quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta biex nipprotestaw. Se nibqgħu nipprotestaw sakemm naraw li jitneħħew l-ostakli kollha għall-ġustizzja u l-verita sħiħa.