Għal bosta nies, jien inkluż, il-konfoffa biex tiġi assassinata Daphne Caruana Galizia bdiet tinkixef wara li l-aħwa Degiorgio tressqu quddiem il-qorti mixlija b’ħasil ta’ flus maħmuġin. M’għandniex xi ngħidu, dawn kienu diġà l-ħabs għax kienu tressqu l-qorti akkużati bil-qtil ta’ Daphne.
Il-mogħdija li fiha għaddew il-flus ser tiftaħ ħafna għajnejn dwar ċerti rabtiet u motivazzjonijiet u ser tipprovdi tweġibiet għal xi mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba.
Dakinhar li rriżulta li Alfred Degiorgio tant kellu xorti tajba fil-logħob fil-Casinò Portomaso li ma setgħax ikun hemm spjegazzjoni matematika għal dan, inħolqot rabta ovvja bejn l-assassini li tqabbdu biex jassassinwha u s-sid tal-Portomaso.
Din ir-rabta feġġet mix-xhieda li ngħatat fil-proċess kriminali kontra l-aħwa Degiorgio dwar il-ħasil tal-flus u mhux fil-proċess dwar l-assassinju.
Dakinhar li Carlo Bonini, John Sweeney u jien konna wasalna biex intemmu l-kitba tal-ktieb tagħna Murder on the Malta Express, għalkemm konna nafu konna għadna ma stajniex niktbu dwar ir-rabta l-oħra li kien hemm ma’ Yorgen Fenech permezz ta’ Melvin Theuma, ix-xufier tat-taxi bażat f’Portomaso. Li kieku xandarna din l-informazzjoni qabel ix-xamma fina tal-kelb Peter qabdet lil Theuma jdaħħal flus bil-kuntrabandu, konna nnaqqsu ċ-ċansijiet li tiskatta l-kriżi li hawn fil-pajjiż bħalissa.
Madankollu lil Yorgen Fenech konna tlabnieħ jispjega x-xorti tajba u inspjegabbli li kellu fil-logħob tal-ażżard Alfred Degiorgio. U Fenech qabbad lill-avukat tiegħu Gegè Vella u dan tal-aħħar għan-nom tiegħu wieġeb li huwa kien fehem l-implikazzjonjiet ta’ dak li konna qed insostnu, jiġifieri li Yorgen Fenech seta’ uża l-Casinò Portomaso biex Alfred Degiorgio jkun jista’ jitħallas għad-delitti kriminali li kien tqabbad biex iwettaq.
Ħadd ma kien ser jiskanta. Tal-Portomaso kellhom rabtiet dokumentati mal-mafja ta’ Sqallija. Ma nistax nifhem għaliex għadha ma ħarġitx ordni biex il-Casinò jingħalaq wara li ġie arrestat Yorgen Fenech. Iżda fiż-żmien li wieġeb Gegè Vella, Yorgen Fenech kien għad seta’ jippretendiha li huwa innoċenti and seta’ joqgħod jilmenta b’mod drammatiku li “l-insinwazzjonijiet tagħna tant huma assurdi li ma jimmeritawx tweġiba”.
Yorgen Fenech għad irid iwieġeb fil-qorti dwar il-ħasil tal-flus. U minn dawn il-proċeduri għad tinkixef il-motivazzjoni għall-assassinju. Dan ikun iż-żmien li fih ikollu jwieġeb dwar is-17 Black u l-Electrogas.
Il-għala dan kollu jġorr miegħu ċerta importanza? Għaliex dan kien iż-żmien li fih kienet inħolqot ir-rabta bejn Keith Schembri, Konrad Mizzi u, kif x’aktarx għad jirriżulta, Joseph Muscat. Ikun f’dan l-istadju li x’aktarx ser toħroġ fil-beraħ il-kwalità ta’ relazzjoni li dawn kellhom ma’ dak li jinsab mixli bl-assassinju.
U jkun appunti f’dan l-istadju li nibdew nifhmu kemm kien tassew imxajtan l-aħħar att li għamel Joseph Muscat fil-gvern: dakinhar li, minn wara dahar il-Kabinett, ta l-maħfra lil Melvin Theuma – sieħeb Keith Schembri – biex dan jixhed kontra Yorgen Fenech u fl-istess waqt inħeles Keith Schembri minkejja l-fatt li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus kontra Yorgen Fenech bla dubju jimplikaw lil Keith Schembri wkoll.
Dan kollu kien xogħol Joseph Muscat. Xogħol li twettaq din il-ġimgħa. U s’issa l-prim ministru fit-tmun tal-gvern tal-pajjiż baqa’ jgħatti dawn id-delitti kriminali serji.
Il-fatt li għadu jokkupa l-kariga ta’ prim ministru huwa delitt kriminali minnu nnifsu.