L-ewwel ħaġa li għamlu tal-grupp parlamentari Laburista, hekk kif irċievew l-appell tal-attivisti tas-soċjetà ċivili – jien fosthom – biex iwarrbu lil Joseph Muscat, kien li jtuħ vot ta’ fiduċja unanima.

Forsi din il-mossa wieħed kien jistenniha. Għal tliet snin u nofs sħaħ, permezz tal-PN – fiż-żmien meta dan għad kellu leħen – u aktar tard permezz tas-soċjetà ċivili, il-kelma “Barra” kienet tidwi taħt it-twieqi ta’ Kastilja. Kien hemm min emmen li l-PN kien motivat li jwaqqa’ lill-gvern Laburista u li jidħol jiggverna floku. M’hemmx dubju li kien hemm din il-motivazzjoni – dan, wara kollox, huwa xogħol min jagħtiha għall-politika u tal-partiti politiċi.

Dakinhar li tal-PN iddeċidew li ma jibqgħux isemmu l-korruzzjoni u jibdew itambru dwar affarijiet li jolqtu lin-nies mill-qrib, li-mexxejja tal-Labour u s-segwaċi tagħhom lill-attivisti tas-soċjetà ċivili kienu laqqmuhom bħala nazzjonalisti nostalġiċi u  “negattivi” li kienu mgħomija wara ambizzjonijiet partiġġjani.

Jisgħobija ferm li lil dawn ma rnexxielhix nipperswadihom li aħna konna sinċieri fil-konvinzjoni tagħna li Daphne kienet inqatlet minħabba dak li kienet tikteb u li dak li kienet tikteb kien minnu.

Ma rnexxilniex nipperswadu lin-nies li l-verità tista’ teħlisna lkoll.

Saħansitra sa anqas minn ħmistax ilu, meta konna għadna weqfin fuq it-taraġ ta’ Kastilja u aħna u nitolbu lil tal-grupp parlamentari tal-Labour biex iwarrbu lil Joseph Muscat, ftit kienu dawk li emmnuna. Il-bqija komplew iduru madwar il-mexxej assedjat tagħhom biex jiddefenduh.

Ma kienux stenbħu meta nkixfu l-Panama Papers. Lanqas ma kienu stenbħu meta Daphne ġiet assassinata u meta Yorgen Fenech kien inkixef bħala s-sid ta’ 17 Black jew meta dan kien ġie arrestat.

Biex stenbħu kellhom jaraw il-ħmieġ li kien hemm f’nofshom b’għajnejhom stess u jxommuħ b’imnifsejhom stess hekk kif nhar il-Ħamis bil-lejl semgħu li Keith Schembri – biex ikun jista’ jsalva ġildu – kien bgħat messaġġi lil Yorgen Fenech. Intebħu wkoll kif x’aktarx dan ittanta jwaħħal it-twettiq tad-delitt fuq Chris Cardona. U b’skantament kbir raw ukoll kif Joseph Muscat kien irranġa biex Keith Schembri jinħeles mill-arrest.

F’dawn l-aħħar sentejn, il-Pulizija ma ħarġux aktar minn żewġ stqarrijiet dwar l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar id-delitt l-aktar maħmuġ li Malta qatt rat fl-istorja tagħha. Nhar il-Ħamis li għadda għamlu xi ħaġa li mhux soltu jagħmluha. Ħarġu stqarrija li mhux biss ħabbret il-ħelsien ta’ Keith Schembri mill-arrest iżda wkoll l-eżonerazzjoni tiegħu.

Din l-istqarrija ħolqot disgwid kbir u rabja fost il-mexxejja Laburisti. Issa bosta huma dawk li stenbħu.

Ix-xenarju issa nbidel u qed nerġgħu nagħmlu l-appell tagħna. Il-fatt li intom biss tistgħu twarrbu lil Joseph Muscat  – il-president, il-pulizija, l-qrati u dawk li qed jipprotestaw fit-toroq ma jistgħu jagħmlu xejn – ifisser li għandkom mhux biss ir-responsabbiltà iżda wkoll id-dmir li twarrbuh.

Issa li stenbaħtu qegħdin taraw ċar li Joseph Muscat qed imexxi reġim korrott li sa wasal biex qatel biex jipproteġi lilu nnifsu mill-ġustizzja. Qegħsin tindunaw li Joseph Muscat kien ilu jaf għal xhur sħaħ bl-elementi ta’ din il-konfoffa u minflok iwarrab biex il-ġustizzja tkun tista’ tieħu l-kors tagħha, baqa’ f’postu biex ikun jista’ jfixkilha. Qegħdin tintebħu wkoll li Joseph Muscat daħak bikom u ħa d-deċiżjoni li jaħfer lil sieħeb Keith Schembri, Melvin Theuma, biex b’hekk jeħel b’kollox Yorgen Fenech. Qegħdin taraw kif Joseph Muscat baqa’ f’postu biex ikun jista’ jeħles lil sieħbu Keith Schembri mill-ħabs.

Kull jum li jgħaddi bih fis-setgħa, s-sitwazzjoni qed issir aktar serja.

Issa wasalna għall-punt li fih bin-nuqqas tagħkom li twarrbuh qed issiru kompliċi f’cover-up.

Jekk tassew tridu li ssir ġustizzja, warrbuh issa. Fl-4pm ser ninġabru l-Belt Valletta biex nerġgħu intennu l-appell tagħna. Ittradejtu lill-partit tagħkom, lil min ivvotalkom, lis-segwaċi tagħkom u lill-pajjiż kollu għal tliet snin u nofs sħaħ. Xejn ma jista’ jifdikom.

Iżda jekk tibqgħu ma tagħmlu xejn, issiru kompliċi f’delitt.