Wara li t-Times of Malta xandret storja dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala l-kap tad-delegazzjoni Maltija għall-OSCE, l-istess ġurnal xandar storja oħra sensazzjonali. Wara li f’Novembru li għadda kien irriżenja taħt dell skreditat mill-Ministeru tat-Turiżmu, ftit inqas minn ħmistax wara inħatar bħala konsulent mill-istess aġenzija tal-gvern li kienet taqa’ taħtu bħala konsulent b’salarju akbar minn dak li kien igawdi bħala ministru. Salarju li huwa akbar minn dak li jaqla’ l-prim ministru stess.
Din kienet ir-raġuni il-għala Joseph Muscat ried jibqa’ fis-setgħa għal dawk il-famużi ħames ġimgħat. Alla biss jaf x’irranġaw u x’ħawwdu biex jakkomodaw lilhom infushom. U dan seħħ għaliex Robert Abela, li jaf l-elezzjoni tiegħu bħala mexxej lil Joseph Muscat, kien lest li jgħattilhom kollox. Kellu l-ħsieb mill-bidu nett li jgħattilhom xturhom waqt li kien qed jipprova jbellagħhielna li għamel taqliba meta warrab lil Neville Gafà.
Taħt dan il-gvern taqla’ premju talli tkun ħloqt kumpannija sigrieta fil-Panama biex timliha bi flejjes ġejjin mit-tixħim imħallsin minn persuna li jinsab mixli mill-pulizija li qatel il-ġurnalista li kienet kixfitu. Il-premju? Impjieg fis-settur pubbliku mħallas bil-belli liri.
Robert Abela, int qed tgħatti xtur il-ħnieżer, xtur il-kriminali u xtur ir-rgħiba. Int kompliċi magħhom. Int il-pulċinell tagħhom.
Issa jeħtieġ li tagħżel. Jew tagħżel li żżomm lill-partit magħqud u fl-istess ħin tippermetti lil Konrad Mizzi li jkompli jgawdi. Jew inkella tagħżel dak li hu sewwa u twaqqaf kollox.
Diġà qtajna qalbna minnek.
Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Jannar fis-6pm se nkunu quddiem il-Parlament biex nipprotestaw kontrik, kontra Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri li għadu sal-lum igawdi l-impunità.
Xi ġimgħat ilu kont heddittna u għidtilna li l-protesti tagħna huma provokazzjoni. Tlabtna biex “inħallukom tiggvernaw”. Din ma kienitx talba. Kienet theddida.
Dan m’huwiex iggvernar. Dan huwa serq fid-dawl tax-xemx.
Le, Sur Prim Ministru. Mhux bi ħsiebna nibqgħu ċassi b’idejna fuq żaqqna.