Josè Herrera ħabbar li ser jonfoq Eur200,000 f’attivitajiet kulturali fil-Marsa. Ħejja nasba li mingħalih li konna ser naqgħu fiha. Ħaseb li konna ser nixluh li qed juża l-flus allokati lill-Ministeru tiegħu biex jidher ħelu mal-kostitwenti. Għaliex li kieku kellna nixluh b’dan, kien jinqeda bina biex iwassal messaġġ lill-kostitwenti li dawn jaqblilhom jerġgħu jivvutawlu jekk iridu li jkomplu jintefqu l-flus fil-lokalità tagħhom.

Ħasibna boloh u mingħalih li konna ser nibilgħu l-lixka tiegħu billi nagħtu spinta lill-votanti tiegħu aħna u ngħidu li l-Marsa mhix il-lokalità adatta biex isir investiment għal skopijiet kulturali.

Il-verità hi li l-Marsa għandha potenzjal kbir. Tinsab biswit il-port, spiċċa t-tniġġis tal-power station, għandha spazji relattivament miftuħin u veduti eżatt fil-qalba industrijali, popolazzjoni residenzjali statika, opportunitajiet fit-tul għan-negozjanti, postijiet ta’ interess storiku u wirt arkeoloġiku sotterran. Il-Marsa għandha potenzjal issir komunità b’saħħitha u mimlija enerġija. M’hemm l-ebda raġuni l-għala m’għandux ikun hemm qawmien kulturali fil-Marsa.

Iżda Josè Herrera mhux dak għandu f’moħħu. Ċertament xejn minn dan ma jista’ jseħħ  permezz ta’ konferenza stampa, bl-impustar ta’ xi ftit fuljetti u b’€200,000. Kif inhi llum, il-Marsa hi lokalità magħrufa għat-tniġġiż u li mhix immexxija kif suppost. Ir-residenti ta’ din il-lokalità huma minsijin, in-numru ta’ persuni foqra akbar minn dak medju u, taħt il-wiċċ, teżisti tensjoni razzjali tbaqbaq li kulma jmur dejjem qed tiggrava sakemm xi att vjolenti jqajjem lill-pajjiż mill-ħedla li jinsab fiha.

Li kieku Josè Herrera tassew ried jagħmel xi ħaġa għall-kostitwenti tiegħu, seta’ għamel dan tul dawn l-aħħar 8 snin fil-gvern u seta’ rsista biex il-gvern jagħti nifs ġdid lill-Marsa, inkluż, bla dubju, jagħti spinta lill-kultura u lill-espressjoni ħielsa u sostenibbli tal-popolazzjoni multi-kulturali li tgħix hemm.

Minflok għażel li jaħraq xi ftit flus biex joħloq naqra entużjażmu lejlet elezzjoni ġenerali bi skop ewlieni: li jerġa’ jiġi elett.

Meta politiċi ma jkollhom ebda missjoni, erħilhom jiġġustifikaw l-elezzjoni tagħhom fil-Parlament permezz tal-elezzjoni nnifisha. M’hemmx dubju li mossa bħal din taf tagħti l-frott. Josè Herrera jaf li mhux qed jaħli €200,000. Il-ħasra hi li dawn mhumiex ħerġin minn butu.