Josette Schembri Vella, magħrufa aħjar minn bosta qarrejja ta’ kitbieti bħala mart il-Prinċep tad-Dlamijiet, illum – fl-aħħar – ittellgħet il-Qorti u ġiet mixlija b’ħasil ta’ flus maħmuġin. Ittellgħet il-Qorti wkoll kumpannija li fiha hi għandha l-ishma. Waqt li l-avukati kienu qed jittrattaw dwar it-talba tagħha għal-libertà proviżorja, kien hemm it-tfesfis fil-widnejn dwar ċifra f’ewro b’numru b’diversi żerijiet warajh li għadda mill-kumpannija ta’ Keith Schembri Kasco għal għand il-kumpannija ta’ martu u lura għal għand Kasco.
U dan ma kien xejn ħlief attentat biex jinħaslu flejjes ġejjin mill-kriminalità.
Naturalment Josette Schembri Vella ċaħdet l-akkużi li nġiebu kontriha. U, naturalment, hi preżunta innoċenti sakemm ma tinstabx ħatja. U mill-esperjenza ta’ kawżi oħra ta’ din in-natura, jidher li jridu jgħaddu s-snin sakemm tingħata sentenza.
Sadattant ftakart f’din il-kitba tiegħi ta’ xahar ilu dwar kitba li ħarbxet ta’ dik il-lagħqa Marie Benoit wara li Josette Schembri Vella kienet stednitha għall-ikel. Marie Benoit, b’ilsienha jiknes l-art, tgħidx kemm faħħret il-ħiliet ta’ Josette Schembri.
“Kont sirt nafha sewwa qabel żewġha daħal għall-ħajja politika,” kitbet Marie Benoit dwar Josette Schembri, “u minn dejjem irrispettajtha l-aktar minħabba l-mod kif tmexxi n-negozju tagħha għax din dejjem qadfet għal rasha u rsistiet biex tirnexxi. M’hawnx bħalha bħala interior decorator.”
Iva. Hekk hu. Dejjem qadfet għal rasha. F’baħar mimli ħara.
Smajt li Marie Benoit xejn ma kienet ħadet pjaċir b’dak li jien kont ktibt. Nimmaġina li l-akkużi li għandha ma’ wiċċha seħbitha m’huma ser ibiddlu xejn.