Fejn qiegħed issa, ja bully?
by Inger Cini
Ejj’aqbeż għalihom ja pulċinell.
Le, ma tmurx titfa xi dell!
Kodard, x’imkien tistaħba.
Ixorbu kollu dak l-inbid,
Ara jfakkrikx hu u nieżel,
F’meta kont bieżel
tigdeb u tgiddeb
u tħalli id-demm jiġri bla nkwiet.
Ara jfakkrikx li inti daqshom,
pupazz miskin f’dan l-att li għaddej;
miġbud u mżeffen mir-regħba,
miżmum imwaqqaf mil-kilba,
u mitkellem mid-dwejjaq u d-dieqa;
ta’ min f’ħajtu m’għandu xejn,
jekk mhux kemxa jew tnejn.
Ġo fik li jagħmlek persuna,
m’hemm xejn li xejn.