Ir-riżultati tas-sondaġġi tal-Malta Today kif konfermati mis-sondaġġi ta’ Lovin Malta li saru ftit qabel u li għalihom intużat metodoloġija differenti wrew ċertu xebħ dwar kif bi ħsiebhom jivvutaw in-nies u li l-Labour jinsab minn fuq b’madwar 94,000 u 100,000 vot: dan ifisser li għal kull persuna li lesta li tivvota PN, hemm tnejn li lesti jivvotaw Labour.
Dan jagħti raġun lis-sondaġġi ta’ Lovin Malta u partikolarment lil riżultat sinjifikanti: li madwar nofs dawk kollha li vvutaw PN fl-elezzjoni li għaddiet jidhrilhom li Adrian Delia huwa korrott.
X’aktarx għandhom raġun dawk fost it-tmexxija tal-PN li jsostnu li l-korruzzjoni ma tinfluwenzax il-mod kif jivvotaw dawk il-mijiet tal-eluf li jivvotaw Labour.
Iżda ċertament dan ir-raġunar ma jistax igħodd għal madwar 50% li vvutaw PN li qed jiġu mistiedna jivvotaw għal partit immexxi minn persuna li fil-perċezzjoni tagħhom huwa korrott.
Il-bieraħ Adrian Delia m’għamel xejn biex ixejjen din il-perċezzjoni. Is-Sunday Times of Malta xandret storja li qed tissemma’ li James Caterers u d-DB Group ta’ Silvio Debono ingħataw direct order biex jibnu estensjoni tal-Isptar San Vinċenz. U dan id-direct order rekord, li jġib l-għajnejn wara l-widnejn, jiswa’ mal-kwart ta’ biljun ewro.
Id-direct orders f’pajjiżi normali jsiru b’eċċezzjoni u huma intenzjonati biex ikun hemm x’jagħmel tajjeb f’każijiet ta’ siġurtà nazzjonali u ta’ emerġenzi jew f’każijiet fejn il-forniment ta’ prodott jew ta’ servizz jista’ jsir biss minn fornitur wieħed. Il-bini ta’ estensjoni ta’ sptar ċertament ma jaqax taħt dawn il-kriterji eċċezzjonali.
Għalkemm il-korruzzjoni mhux lakemm wieħed jippruvaha, dan huwa każ ċar ta’ governanza ħażina għax permezz tiegħu ikun qed jitwarrab il-proċess ta’ kompetizzjoni li tista’ twassal għal prezzijiet irħas u għal servizz aħjar għall-poplu.
Il-bieraħ il-kelliem il-ġdid tal-PN dwar governanza tajba lanqas biss tniffes dwar dan l-iskandlu tal-waħx. Il-fatt li l-gvern qabbad lill-fornituri direttament għal dan il-proġett hekk kbir iwassal għas-suspetti ta’ korruzzjoni. U l-fatt li l-oppożizzjoni ma tkellmet xejn jista’ jwassal għal min jikkonkludi li anke l-oppożizzjoni hi korrotta.