Dawk ta’ madwar Joseph Muscat qed ilestu ruħħom għal battalja, li ser tilħaq il-qofol tagħha fi Strasburgu, dwar ir-riżultati ta’ inkjesta li ntalbet mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa wara li kien seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-battalja issa ilha għaddejja għal żmien mhux ħażin u, peress li Strasburgu mhix belt li ta’ sikwit tiġi f’moħħ in-nies, hemm min jassoċjaha aktar mal-btajjel milli ma’ kamp tal-battalja politika għar-ruħ demokratika ta’ Malta.
Ejjew naraw ftit kif kellna naslu s’hawn.
F’Jannar 2018, xi xahrejn wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, 114 il-membru ġejjin minn parlamenti minn madwar l-Ewropa u mill-gruppi politiċi kollha, ffirmaw mozzjoni biex tittieħed riżoluzzjoni mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa favur li ssir għassa internazzjonali fuq l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-ewwel persuna li ffirmat din il-mozzjoni kienet Pieter Omtzigt li huwa membru parlamentari Olandiż tal-Partit Popolari Ewropew. Jekk tidħol f’din il-link għandek issib il-lista tal-firmatarji. Tista’ tgħid li dawn ġejjin minn kull pajjiż fl-Ewropa u minn kull kulur politiku, x’uħud minnhom ġejjin mill-grupp tas-Soċjalisti li jagħmel parti minnu l-Partit Laburista ta’ Malta.
Tista’ tgħid li l-kliem tal-mozzjoni jirriflettu r-rimarki li saru fil-Parlament Ewropew fis-sens li l-komunità internazzjonali kien jeħtieġ li tagħmel l-għassa fuq l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru f’Malta. Iżda din il-mozzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa ġiet iffirmata wara li seħħew l-arresti ta’ Alfred Degiorgio u tal-assassini l-oħra. Il-firmatarji ma mpressjonaw ruħħom xejn b’dak li kien qed igħid il-gvern Malti fis-sens li bis-saħħa ta’ dawn l-arresti l-każ seta’ jingħalaq.
Wara li issa għaddew tant xhur, nistgħu napprezzaw aktar l-għerf li wrew dawn il-membri parlamentari. L-investigazzjonijiet li saru f’Malta, bl-għassa internazzjonali b’kollox, s’issa ma wasslu mkien. Aħseb u ara x’kien jiġri li kieku ma kienx hemm din l-għassa.
Ftit jiem wara li kienet għaddiet dik il-mozzjoni, Pieter Omtizgt talab lill-gvernijiet tas-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa jekk kinux lesti li jitolbu lill-gvern Malti li jagħtihom spjegazzjoni il-għala l-pulizija baqgħet ma nvestigatx l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin minn uffiċjali tal-gvern u r-raġuni għala lil Daphne Caruana Galizia naqsu li jagħtuha l-protezzjoni.
Is-47 gvern talbu lill-gvern Malti biex igħaddilhom l-informazzjoni u f’April 2018 huma ħarġu bit-tweġiba tagħhom. Dawn naqsu li jikkritikaw lil Malta dwar l-investigazzjoni tal-pulizija u l-gvern din stħajjilha bħala xi forma ta’ rebħa finali għalih. M’għandniex xi ngħidu, fost is-47 hemm pajjiżi (bħalma huma r-Russja, t-Turkija u l-Ażerbajġan) li ċertament ma jkunux iridu jiġu mgħarbla dwar l-egħmil demokratiku tal-gvernijiet tagħhom stess.
Iżda, bil-kontra għal dak li kien qed jistenna l-gvern, il-kwistjoni ma waqfitx hemm. Huwa minn ewl id-dinja li l-gvernijiet ħafna drabi jispiċċaw iħokku dahar xulxin u proprju din hi r-raġuni il-għala l-ogħla entità fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa m’hix magħmula minn Ministri iżda minn membri parlamentari minn madwar l-Ewropa.
Dik l-entità kien fadlilha ħafna aktar mistoqsijiet x’tagħmel u kien għalhekk li talbet lil Pieter Omtzigt li jżur Malta biex dawn il-mistoqsijiet jagħmilhom f’isimha.
F’Settembru 2018 tal-Labour xammew li din il-kwistjoni ma kinitx ser tintemm tajjeb għalihom. Il-kap tad-delegazzjoni ta’ Joseph Muscat fi Strasburgu huwa l-eks Ministru Manuel Mallia li ħadem kemm felaħ biex jipprova jġiegħel lil tal-Kunsill tal-Ewropa jiritiraw il-mandat li kienu taw lil Pieter Omtzigt. Lill-membri parlamentari din il-mossa m’għoġbithomx u ddeċidew li l-mandat li kienu taw lil Omtzigt kellu jiġi mplimentat.
Din kienet l-ewwel darba li l-Kunsill tal-Ewropa kien ser jordna li jintbagħat rapporteur f’pajjiż ieħor (barra mir-Russja) biex igħarbel l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ ġurnalista. Deċiżjoni bħal din kienet ittieħdet biss fil-każ ta’ żewġ assassinji li t-tnejn kienu seħħew fir-Russja. Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata f’Malta u l-gvern bħal donnu ma riedx li tinkixef l-identità ta’ min kien il-moħħ wara l-qtil. Għaldaqstant ir-rapport ta’ bilfors kellu jitfassal.
Pieter Omtzigt kellu l-ħila jikxef mhux biss il-korruzzjoni. Wara li Manuel Mallia falla fl-attentat tiegħu li jmewwet kollox fuq ommu, f’Ottubru 2018 Pieter Omtzigt irnexxielu jipperswadi lill-Kunsill tal-Ewropa biex iddaħħal lill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-kredu u dan minkejja l-oġġezzjonijiet kbar li għamel Stefan Zrinzo Azzopardi.
U meta l-attentati kollha li għamlu biex jeqirdu l-mozzjoni fallew, Owen Bonnici bilġri ħareġ igħid li kien bis-saħħa tiegħu li ddaħħlet fil-kredu l-Kummissjoni ta’ Venezja.
Fil-frattemp kompliet l-inkjesta ta’ Pieter Omtizgt u f’April li għadda kienu ġew mistiedna Owen Bonnici u Peter Grech biex igħidu tagħhom. Kienet xena mill-aktar umiljanti. Mhux għalihom tafux, għax dawn m’għandhomx żejt f’wiċċhom u ma jafux jistħu. Iżda kienet umiljanti għal pajjiżna li kien jeħtieġ jispjega lill-bqija tad-dinja il-għala, minn popolazzjoni ta’ nofs miljun ruħ, ma kellux il-ħila li jaħtar lil xi ħadd aħjar minnhom biex jokkupa l-karigi ta’ Ministru tal-Ġustizzja u ta’ Avukat Ġenerali.
Pieter Omtzigt kellu jaħdem bil-għodda li ngħatatlu: b’dak li rriżultalhom tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’dak li rriżultalhom tal-GRECO dwar il-korruzzjoni f’Malta, b’dak li qalulu li rriżultalhom tal-Moneyval dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin f’Malta u bir-reazzjonijiet medjokri tal-gvern Malti.
Fl-aħħar mill-aħħar, kien armat b’sensiela ta’ fatti li ħadd ma seta’ jiċħadhom:
- il-fatti li rriżultaw mill-Panama Papers;
- il-fatti li rriżultaw mill-istejjer imxandra minn tad-Daphne Project;
- il-fatti li rriżultaw lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġijiet;
- il-fatti li rriżultaw minn sentenzi nkredibbli tal-qrati tagħna, bħal dik is-sentenza li qalet li l-Panama Papers “kienu biss spekulazzjoni”
- il-fatt li Maġistrat ingħata promozzjoni f’nofs il-kumpilazzjoni ta’ inkjesta dwar l-assassinju ta’ ġurnalista;
- il-fatt li Maġistrat ingħata promozzjoni wara li rrifjuta li jwessa’ t-termini ta’ inkjesta biex ikunu jistgħu jiġu nvestigati provi ġodda dwar korruzzjoni.
U l-ikbar waħda kienet li Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata u dawk li kienet uriet bil-provi li huma korrotti tħallew f’posthom, filwaqt li dawk li kienu l-imħuħ wara l-qtil tagħha għadhom jiġru barra. Dan ma jfissirx li teżisti xi prova li l-korrotti li tħallew f’posthom u l-imħuħ wara l-assassinju huma l-istess nies. Iżda fil-kuntest ta’ dak li huwa magħruf diġà, ikun minn ewl id-dinja li wieħed jissuspetta li fil-fatt huma l-istess nies.
Għaldaqstant l-“għassa internazzjonali” jeħtieġ li tissokta.
U min għandu din il-fehma se jsib lil Joseph Muscat jattakka personalment. Ġaladarba jaf li ma jista’ jagħmel xejn biex jiskredita l-fatti li rriżultaw, jgħaddi biex jiskredita l-persuna u hekk qiegħed jipprova jagħmel fil-konfront ta’ Pieter Omtzigt. Din mhix l-ewwel darba li għamilha. Għalih Daphne Caruana Galizia kienet saħħara. David Casa huwa traditur u Ana Gomes miġnuna.
U Pieter Omtzigt? Għal Joseph Muscat, dan ixerred il-fake news. Fl-2017 Pieter Omtzigt kien ħa falza stikka. Kien organizza konferenza u persuna li ġiet indirizzata minn bniedem li ppreżenta ruħu bħala xhud meta fil-fatt ma kien xejn minn dan. Pieter Omtzigt ma kienx għadu ntebaħ li kien stieden giddieb biex jindirizza l-konferenza u meta nduna b’dan, għamel apoloġija immedjata.
Dan għamel l-istess kif kien għamel Joseph Muscat meta fl-2008 intebaħ li fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tal-2003 ma kienx rebaħ il-“partnership”. U meta kien daħal fix-xena politika għall-ewwel darba fl-1992 meta kien qal li nispiċċaw nieklu lil xulxin jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea – jekk dan ma kienx fake news, x’taqbad issejjaħlu?
Araw ftit x’kien inkiteb f’ġurnal Olandiż f’Settembru 2018 dwar l-imġieba tar-reġim ta’ Joseph Muscat fil-konfront tat-tenaċità ta’ Pieter Omtzigt. Dawn kitbu li f’Malta kien hemm min qed jiskanta li hemm membru parlamentari ta’ stoffa li huwa determinat li jikxef il-borom minkejja l-fatt li m’hu ser jirċievi ebda benefiċċju politiku f’pajjiżu għal dan ix-xogħol. Bħallikieku l-Olandiżi li jagħtu l-vot tagħhom lil Pieter Omtzigt se jiġu jaqgħu u jqumu dwar kemm il-membru parlamentari jqatta’ bi snienu biex jikxef il-korruzzjoni f’Malta.
U madankollu Pieter Omtzigt jibqa’ jirisisti. Lill-ġurnal Olandiż, Pieter Omtizgt qallu li x-xogħol veru ta’ kull membru parlamentari huwa li jagħmel l-għassa fuq il-gvernijiet. Il-Prim Ministru ta’ pajjiżu Mark Rutte (il-mexxej ta’ partit li jinsab f’koalizzjoni mal-partit ta’ Pieter Omtzigt) jaf sew kemm huwa tenaċi dan il-bniedem: kellu ma’ wiċċu numru mdaqqas ta’ kampanji dwar governanza tajba mnedija minn Pieter Omtzigt li kienu dokumentati, preċiżi u dettaljati.
Fl-Olanda, lil Peter Omtzigt jsibuh bħala “l-kelb tal-għassa”. Għadma li jkun iggranfat magħha ma jerħihiex minn ħalqu kif ġieb u leħaq. Din l-għadma, Joseph Muscat jinsab mejjet biex jaqlagħha minn ħalq Pieter Omtzigt.
Iżda Pieter Omtzigt għandu vantaġġ wieħed. Jinsab fuq in-naħa tas-sewwa.