Huwa ta’ sodisfazzjon li l-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Olanda bi ħsiebhom jibgħatu rappreżentanti biex isegwu l-inkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. X’aktarx li ser ikun hemm pajjiżi oħrajn li jagħmlu l-istess. Dan seħħ wara li NGO’s internazzjonali dwar il-kelma ħielsa minn madwar id-dinja ffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq Malta u baqgħu jiffokaw fuqha wara dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar sitt snin.
Nederland stuurt in toerbeurt met in ieder geval Duitsland een waarnemer, aldus premier Mark Rutte. https://t.co/pGsLttlkeY
— De Telegraaf (@telegraaf) December 10, 2019
Hu ta’ sodisfazzjon li, għall-ewwel darba f’temp ta’ sentejn, l-istituzzjonijiet tagħna waqfu biex jisimgħu lil iben Daphne, lil żewġha u lill-ġenituri tagħha huma u jitkellmu dwar it-telfa li ġarrbu u dwar dak li kellhom jaraw ma’ wiċċhom bl-imġieba tal-istat fil-konfront tagħhom.
Il-fatt li Matthew Caruana Galizia tkellem fil-qorti fih innifsu diġà hu rebħa għall-ġustizzja. Fil-jiem ta’ qabel, kontra qalbhom, il-pulizija obdew l-ordnijiet li tawhom biex f’Misraħ Kastilja jimbuttaw il-barrieri fuqu u fuq sħabu hekk kif kien qiegħed jistenna barra waqt li l-kabinett għamel lejl sħiħ jipproteġi lil Joseph Muscat u jeżonera Keith Schembri.
F’dak l-istess lejl, ħuħ Paul Caruana Galizia nżamm mill-manigoldi maqful f’kamra ġewwa Kastilja.
Kellhom igħaddu sentejn ta’ battalji, ta’ proċessi ta’ persważjoni mal-istituzzjonijiet u ta’ kampanji biex il-gvern fl-aħħar aċċetta li jniedi l-inkjesta. Iżda l-falliment tal-istituzzjonijiet tagħna tant hu kbir li l-presenza ta’ osservaturi internazzjonali xorta hi meħtieġa biex inserrħu rasna li ssir il-ġustizzja li ilha tiġi miċħuda mill-gvern tagħna stess.
M’għandniex xi ngħidu, dan kollu huwa tabilħaqq imbarazzanti. Sa hawn wasalna f’dan il-pajjiż. L-istituzzjonijiet tagħna ma jistgħux jiġu fdati li jagħmlu xogħolhom mingħajr l-għassa ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi oħrajn.
Il-ġlieda għall-ġustizzja ma tkunx intrebħet dakinhar li l-qattiela tagħha jieħdu dak li ħaqqhom. Din il-ġlieda tkun intrebħet meta fil-pajjiż jerġa’ jkun hemm impenn favur il-prinċipji kostituzzjonali u lejaltà lejn il-ġid komuni.
Dan mhux ser iseħħ mil-lum għall-għada. U sa dakinhar li jseħħ, neħtieġu l-għajnuna kollha li joffrulna.