Ma tantx fiha x’tifhem. Agħtu daqqa t’għajn lejn dan l-iscreenshot tal-kitba ta’ Neville Gafà li wieġeb għal dak li kiteb Simon Busuttil fis-sens li ċ-ċerimonji formali ta’ Jum ir-Repubblika se jservu ta’ paraventu biex titgħatta l-kriżi kostituzzjonali li għandna fil-pajjiż bħalissa.

Neville Gafà moħħu biss biex jibqa’ jgawdi. Għalih ma nbidel xejn. Għadu sal-lum ġej u sejjer lejn l-uffiċċju ta’ Keith Schembri li issa ġarr lejn il-Mellieħa, x’aktarx biex minn hemm ikompli jgħatti x-xtur ta’ min hu mdaħħal f’delitti serji ħafna.

Aħna napprezzaw il-fatt li l-parata militari ta’ Jum ir-Repubblika hi okkażjoni mportanti għas-suldati u għall-familji tagħhom. Dan il-jum hu importanti għalina lkoll. Iċ-ċerimonji u s-simboliżmu ta’ Jum ir-Repubblika jirrappreżentaw ir-rabta kostituzzjonali li torbotna flimkien. Ftit huma dawk l-affarijiet li huma aktar importanti għalina.

Napprezzaw ukoll li bosta persuni jqattgħu Jum ir-Repubblika jagħmlu x-xirja tagħhom tal-Milied. Aħna wkoll għandna t-tfal.

Aħna ma rridu nħassru l-festi ta’ ħadd. Iżda fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, jeħtieġ li nkunu parti mill-qafas ta’ Jum ir-Repubblika billi nirreżistu lil dawk li lill-istituzzjonijiet ħatfuhom biex ikunu jistgħu jwettqu d-delitti kriminali tagħhom b’impunità sħiħa.

Appuntu għaliex ninsabu mpenjati li nħarsu lir-Repubblika nhar il-Ġimgħa jeħtieġ li nkunu preżenti fit-toroq tal-Belt Valletta.

Tabilħaqq, Culhat Al Belt.

Dalgħodu l-organizzaturi tal-protesta ta’ nhar il-Ġimgħa ltaqgħu ma’ uffiċjali tal-pulizija fil-kwartier tagħhom. Għamilna emfasi li qed insejħu lin-nies biex tinġabar b’mod paċifiku fil-Belt Valletta u li, bil-għan li jitwassal il-messaġġ, qed nitolbuhom iġibu magħhom strixxuni, kartelluni u sfafar.

Din il-protesta b’ebda mod m’għandha tiġi meqjusa bħala xi protesta kontra l-forzi tal-ordni li dakinhar ikunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom. Aħna napprezzaw il-ħtieġa li jkun hemm il-bwon ordni. Illum il-pulizija qalulna li jaqblu li nhar il-Ġimgħa għandna kull dritt li nsejħu lin-nies biex tipprotesta u li dan id-dritt hu mħares mil-liġi.

L-organizzaturi fi stqarrija qalu li l-aħjar mod li biħ wieħed ikun jista’ jiċċelebra Jum ir-Repubblika hu billi jħares lir-repubblika b’mod paċifiku mix-xibka kriminali li ħakmet lill-istituzzjonijiet tagħna.

Fiċ-ċirkostanzi huwa d-dmir tagħna li nwasslu l-messaġġ tagħna ta’ protesta lil dawk li għandhom is-setgħa u d-dmir li jsibu tarf tal-problema li daħħalna fiha Joseph Muscat: jiġifieri l-president u l-membri parlamentari.

Għandi nżid ukoll li bl-istess mod li l-protesta mhix ser tkun immirata kontra s-suldati u l-pulizija li ser ikunu għassa nhar il-Ġimgħa, dan igħodd ukoll għaż-żwiemel tagħhom (li s-soltu jintużaw f’ċerimonji bħal dawn). Iż-żwiemel ċertament m’humiex ser jifhmu l-iskop wara l-infieħ tas-sfafar u l-għajjat. Għaldaqstant meta jgħaddu ż-żwiemel minn quddiemna, ser ikollna l-kartelluni li jitkellmu għalina.