Sforzi kemm għamel sforzi Aaron Bugeja biex jikteb rapport ta’ inkjesta li fiħ 1,501 paġna, dan ir-rapport juri kemm l-istituzzjonijiet tagħna m’humiex armati biżżejjed biex jiġġieldu kontra l-ħasil ta’ flus maħmuġin u kontra l-kriminalità finanzjarja. Malta tiftaħar li hi ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ kwalità u ta’ klassi għolja li adottat kemm liġijiet li jitħaddmu f’tax havens u kif ukoll dawk regolatorji li jitħaddmu fl-Unjoni Ewropea. Din il-kontradizzjoni sibna tarfha bis-saħħa tal-fatt li l-banek privati jitħallew jaħdmu fil-libertà, filwaqt li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġijiet ingħataw riżorsi li ma kienux ikunu biżżejjed anki li kieku Malta kienet territorju fil-periferija tan-Nebraska.
Huwa ċar li Aaron Bugeja m’huwiex espert f’dik li hi kriminalità finanzjarja u l-ħila li jista’ jkollu li jgħarbel sewwa r-rapporti li ġew mgħoddija lilu mill-esperti li għażel huwa stess hi limitata ferm. Mill-korp tal-pulizija u mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali – anki jekk dawn seta’ kellhom intenzjonijiet tajbin – kellu l-għajnuna ta’ persuni li m’humiex tal-lant u li m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa. Peter Grech u Ian Abdilla – anki bl-intenzjonijiet tajba kollha li seta’ kellhom – ċertament m’għandhomx il-ħila li jlaħħqu ma’ frodisti mustaċċuni bħal Ali Sadr Hasheminejad.
Kien assurd u tad-daħk il-mod kif l-inkjesta bgħatet il-mistoqsijiet tagħha lill-Emirati Għarab Magħquda u lill-Ġermanja – dejjem jekk dawn ma ntbagħtux apposta biex jistiednu l-ebda reazzjoni mingħandhom. Il-mistoqsijiet stħajjilthom bħal dik l-ittra li jkun bgħat tifel ta’ 6 snin lil ta’ Fort Knox li fiha dan jitlobhom jgħaddulu l-password biex ikun jista’ jingħata aċċess għall-kaxxa fejn jinżamm id-deheb.
U mbagħad hemm il-kwistjoni dwar il-firem “foloz” fuq dokumenti li eżamina Aaron Bugeja li, mid-dehra, ma kienx jaf li din kienet is-sistema regolarment użata minn ta’ Mossack Fonseca. Din il-kwistjoni diġà konna ttrattajnieha fl-imgħoddi. Iżda jidher li, kieku Aaron Bugeja kellu t-taħriġ bażiku f’dak li hu ħasil ta’ flus maħmuġin, ma kienx jikteb ir-rapport b’sens ta’ stmerrija żbaljata. Nistgħu forsi nassumu li, minkejja l-fatt li intużaw ħafna riżorsi, li Aaron Bugeja warrab id-dmirijiet l-oħra li kellu biex jiffoka fuq ir-rapport, li kien hemm pressjoni fil-pajjiż biex ikun hemm riżultat u li fin-nofs kien hemm ir-reputazzjoni personali tal-prim ministru, din kienet l-aħjar investigazzjoni dwar kriminalità finanzjarja li qatt saret f’Malta.
Ir-rapport m’hu xejn minn dan.
Li hu aktar ta’ tħassib huwa l-fatt li r-rapporti l-oħra huma agħar minn dan. Mhux ta’ b’xejn li Malta saret bażi għall-kriminalità finanzjarja.