Matul dawn l-aħħar tmintax il-xahar, Joseph Muscat lagħabha tal-vittma u xela’ lil Simon Busuttil li kien iffalsifika dokumenti biex jeħel hu għat-twettiq ta’ delitt kriminali.

Dakinhar li xxandar estratt żgħir tar-rapport is-sena li għaddiet, taha għat-teatrin u waqt konferenza stampa għamel tabirruħu li ma setgħax iżomm id-dmugħ milli jġelben minn xfar għajnejh. Għal ftit minuti, niftakarni nitħasseb bejni u bejn ruħi jekk, wara kollox, kienx tabilħaqq vittma ta’ konġura kriminali. Iżda l-minuti ta’ tħassib li kelli kienu ftit ħafna.

Wara li għaddew ftit xhur, fil-Parlament reġa’ taha għal teatrin simili fi żmien meta kien taħt pressjoni kbira hekk kif Chris Cardona nqabad jigdeb dwar il-laqgħa li kellu ma’ wieħed mill-qattiela ta’ Daphne waqt festin privat li seħħ madwar pixxina. Joseph Muscat kien qisu ndannat u b’rabja liema bħalha xela’ lil Simon Busuttil li hu “frodista” u qal ukoll li, jekk ir-rapport Egrant jixxandar kollu, Simon Busuttil kien ser ikollu jaħrab mill-pajjiż.

Dakinhar Muscat kien jaf x’fih ir-rapport Egrant u xorta waħda ppretenda li kellna nemmnuh minkejja l-fatt li r-rapport ma kienx għadu xxandar. M’għandniex xi ngħidu, kien qed jigdeb. U, hu u jilgħabha tal-vittma, t-teatrin li għoġbu jagħmel mimli kif kien b’emozzjoni falza u tixrid ta’ dmugħ, inkixef bħala bniedem li għandu tendenzi soċjopatiċi li huma tassew inkwetanti.

Dan kollu jirrifletti fuq il-karattru li għandu.

Barra minn dan, il-fatt li Joseph Muscat ma kellu ebda skrupli li jisfrutta u jabbuża mis-sigrieti uffiċjali tal-istat biex jakkwista vantaġġ personali, hi riflessjoni oħra fuq il-karattru tiegħu. Is-sigrieti uffiċjali tal-istat m’humiex qiegħdin hemm biex iservu għall-interessi personali tal-uffiċjali tal-istat. L-inkjesti kriminali jinżammu sigrieti biex il-pulizija tkun tista’ ssegwi lill-kriminali mingħajr xkiel u biex dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jitkixxfu dwar dak li jkun qed jiġi investigat dwarhom. L-inkjesti ma jsirux biex il-vittma jitħalla jsir jaf affarijiet li ħaddieħor ma jkunx jaf bihom. Diġà huwa inaċċettabbli anki meta dawn l-“affarijiet” ikunu minnhom. Inkredibbli kif  Joseph Muscat ma skruplax li jigdeb anki fuq affarijiet li kien jaf bihom.

Dawk li kienu qraw ir-rapport 18 il-xahar ilu jafu li Keith Schembri, Konrad Mizzi u Sai Mizzi ħadu sehem f’konġura biex jisirqu mill-ġid ta’ Malta.

F’Mejju 2016, kien l-“istint ġurnalistiku” ta’ Daphne Caruana Galizia li ndikalha li t-tluq ta’ Chen Cheng mill-Accenture u l-ħatra ta’ Sai Mizzi bħala konslu f’Shanghai kienu ġrajjiet li qanqlu suspett. Mir-rapport jirriżulta li jeżistu provi li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħolqu “karus” fil-British Virgin Islands biex fih igħaddu flejjes ġejjin mill-bejgħ ta’ viżi fiċ-Ċina.

X’aktarx li m’aħna qatt se nsiru nafu l-istorja kollha wara l-intenzjonijiet kriminali ta’ dawn in-nies. Iżda issa ġie stabilit li Joseph Muscat, Owen Bonnici u Peter Grech ilhom mill-inqas 18 il-xahar jafu b’din il-frodi Ċiniża ta’ sħabhom u baqgħu m’għamlu xejn.

Mhux talli m’għamlu xejn iżda wkoll infurraw wiċċhom minkejja dak kollu li issa sirna nafu.