L-inkjesta żgur naqset li tgħarbel prova waħda: il-prova li Michelle Buttigieg, is-sieħba ta’ Michelle Muscat fin-negozju falz li semmewħ Buttardi, kienet ħallset f’daqqa dejn li kienet qed tagħmel tajjeb għalih ipoteka reġistrata fuq appartament f’Manhattan, New York u dan ftit jiem wara li allegatament kienet irċieviet parti minn ħlas li kien sar favur Michelle Muscat minn bint il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev.

Lill-inkjesta jien kont għaddejtilha estratt ta’ xhieda ġuramentata mir-reġistru pubbliku ta’ New York dwar dawn it-transazzjonijiet. Li kieku kien hemm xi spjegazzjoni dwar minn fejn kienu ġew il-flus biex tħallas id-dejn u tneħħiet l-ipoteka, l-kwistjoni kienet tieqaf hemm. Iżda ġaladarba ma kien hemm ebda spjegazzjoni adegwata dwar is-sors tal-flejjes li għaddew, din il-prova kienet isservi ta’ korroborazzjoni għal dawk l-akkużi li Michelle Muscat kienet ċaħdet b’tant qawwa.

Sa fejn nista’ nifhem, l-informazzjoni ġiet skartata mill-inkjesta.

Peress li nkjesta titmexxa’ b’mod sigriet, ħadd ma jista’ jsir jaf jekk ġewx skartati provi oħrajn ukoll.