Limitati kemm setgħu kienu limitati t-termini ta’ riferenza tal-inkjesta u, tenut kont tal-allegazzjonijiet dwar Egrant u l-kuntest li fih kienet inħolqot il-kumpannija sigrieta flimkien ma’ Hearnville u Tillgate, l-pulizija kienet fid-dmir li taħdem biex tistabbilixxi min kien il-“bearer” tal-ishma fil-kumpannija sigrieta Egrant bejn Marzu 2013 u dakinhar li ġiet xjolta l-istess kumpannija.
Inkjesta maġisterjali dmirha hu li tiġbor il-provi li jkunu jeżistu. Strettament dan ifisser li l-investigazzjoni ta’ provi li għadhom ma jeżistux ma tistax issir. F’ċirkostanzi normali, wieħed jassumi li l-pulizija – li xogħolha huwa li tgħasses kontra l-kriminalità – tidħol u tinvestiga hi kwistjonijiet li l-inkjesta ma jkollhiex is-saħħa li tittratta dwarhom.
Il-tiġrif totali tal-istituzzjonijiet seħħ proprju hawn: l-istituzzjonijiet li xogħolhom hu li jgħassu kontra l-kriminalità spiċċaw bla snien speċjalment f’każijiet fejn il-persuni suspettati huma persuni li għandhom is-setgħa politika. Min hu sid l-Egrant? Ftit huma dawk li għandhom il-ħila jwieġbu din il-mistoqsija u dawn inzertaw li huma lkoll xhieda li ssejħu biex jixhdu f’din l-inkjesta. Wieħed minn dawn – Karl Cini – nqabad jigdeb għalkemm il-bieraħ stqarr li aktar tard il-pulizija kienet għarblet l-inkonsistenzi tiegħu u l-kwistjoni kienet “waqfet” hemm.
Iżda jeħtieġ nifhmu li dan il-bniedem jaf bl-identità tal-‘bearer’ taċ-ċertifikat tal-ishma tal-Egrant. U sal-lum għadu ma qalilniex min hu jew min hi.
Brian Tonna kien imdaħħal sa ruħ ommu fil-kawlata tal-Electrogas. Kien hu li fassal l-istudju l-ġġustifika l-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas. Kien hu li kien għażel il-kuntrattur li kellu jforniha. Kien hu li nħatar bħala l-awditur ta’ dak il-kuntrattur. U, fl-istess waqt, kien hu li ħoloq il-kumpanniji sigrieti tal-Panama li kellhom jilqgħu flejjes ġejjin mit-tixħim. It-tielet kumpannija kienet Egrant, li huwa jgħid li hi tiegħu.
Ma tantx nistgħu nserrħu moħħna b’dak li jistqarr Brian Tonna. Jekk huwa veru li hu sid l-Egrant, il-fatt li din inħolqot flimkien ma’ Hearnville u Tillgate li kellhom jirċievu flejjes ġejjin mit-tixħim, ma jistax ħlief ifisser li hu wkoll kien ser igawdi mill-flejjes ġejjin mit-tixħim fuq kuntratt li kien qed jirranġa hu. Jekk dawn il-flus mit-tixħim kienu ntenzjonati għal butu, allura postu huwa l-ħabs. Jekk dawn il-flus kien ser jirċievuhom għan-nom ta’ ħaddieħor, allura għandu jgħidilna dan il-“ħaddieħor” min hu u mbagħad ikompli fi triqtu lejn il-ħabs.
Dan kollu jindika ħaġa waħda: l-investigazzjoni dwar Egrant (mhux inkjesta maġisterjali biss iżda investigazzjoni indipendenti mill-pulizija) għandha terġa’ tinfetaħ. Wara t-tiġrif li ġarrab il-gvern tul dawn l-aħħar ġimgħat, Joseph Muscat jibqa’ persuna suspettata li għandha tiġi investigata.