Il-fatt li qed niġu attakkati kontinwament talli qed nażżardaw li nipprotestaw, aħna u nsejħu għar-riżenja tal-prim ministru u biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, jindika li dan ir-reġim paranojku m’hu xejn ħlief wieħed anti-demokratiku u ntolleranti. F’dan l-istadju, ftit huma dawk li huma lesti jistqarru li dak li qed nitolbu m’huwiex ġustifikat.
Aħna pprotestajna fis-16 ta’ kull xahar għal 25 xahar wieħed wara l-ieħor u tgħidx kemm damu jgħidu li aħna ma konniex qed nirraġunaw għaliex, skont huma, l-gvern kien qeda’ dmiru bis-saħħa tal-arrest tal-aħwa Degiorgio u ta’ Ċensu Muscat. Aħna dejjem konna nafu li kien hemm ħafna aktar x’jinkixef. Anki fl-istadju li ninsabu fih bħalissa, nafu li fadal biċċiet oħra x’jingħaqdu biex ikollna stampa sħiħa.
Iżda b’dak li nkixef s’issa, nafu li sakemm jibqa’ f’postu Joseph Muscat se tkompli ssir ħsara lill-governanza kostituzzjonali u demokratika tal-pajjiż. Dan mhux aħna biss qiegħdin ngħiduh. Saħansitra dan qed igħidu wkoll Martin Scicluna.
Bħala soċjetà ċivili, jeħtieġ li nirribattu l-akkużi li sarulna li aħna “vjolenti”, li qed “niddistabilzzaw lill-pajjiż” u li qed neqirdu lil Malta”. Iva, qed issir ħafna ħsara lil Malta. Iżda l-ħsara mhux qed issir minn dawk li qed jipprotestaw fit-toroq. Jekk xejn, dawk li qiegħdin jipprotestaw qed jibgħatu messaġġ lid-dinja li f’dan il-pajjiż hawn nies diċenti li jfittxu dejjem dak li hu sewwa u li b’xorti ħażina ninsabu maħkumin minn klikka li tkaħħlet mas-siġġu tas-setgħa u ma tridx titilqu minn idejha. Allura, iva, l-protesti jeħtieġ li jkomplu.
Għal sentejn sħaħ kien hemm minn ħass li l-ġlieda għall-verità u għall-ġustizzja kienet waħda bla tama u li konna qiegħdin ngħażqu fl-ilma. U minkejja dan, bqajna magħqudin u emminna li s-sewwa għad jirbaħ. Issa li nkixfet parti mill-verità, jeħtieġ li nibqgħu nsostnu l-għaqda ta’ bejnietna. Il-ġustizzja se ssir. Nhar il-Ġimgħa filgħodu, dawk li għandhom is-setgħa li jsibu tarf ta’ din il-problema — jiġifieri l-president u l-membri tal-parlament — ser jiltaqgħu bħalma jagħmlu kull sena biex titfakkar il-festa tar-Repubblika.
Il-kelma “Repubblika” tfisser “affari jew ħaġa tal-poplu”. Il-pajjiż kollu jinsab paralizzat għax għaliex Joseph Muscat irid li jsalva ġildu. Bosta huma dawk il-barranin li qed jaħsbu għal rashom u qed japplikaw għal impjiegi barra ‘l pajjiż għax qed jistennew li jkun hawn diżastru. Il-gvern ta’ Malta m’għadux qed jiggverna. Lanqas m’huwa qed iħabbar inizjattivi ġodda. Tal-ħwienet ma jiftakrux staġun li kien ħażin daqs dan. Għal dan tista’ forsi twaħħal fin-nies. Tista’ wkoll twaħħal f’Joseph Muscat.
Nhar il-Ġimgħa Jum ir-Repubblika. Nerġgħu niltaqgħu il-Belt Valletta biex lid-dinjitarji li ser jinġabru nuruhom fejn tassew tinsab ir-Repubblika tagħna: mhux fil-palazzi tal-korruzzjoni iżda fit-toroq fejn in-nies għadha qed issejjaħ biex issir ġustizzja bit-tisbit ta’ borom u kzazel, l-infieħ ta’ sfafar u t-twerżieq taż-żgħażagħ.