Is-sitwazzjoni hi waħda mwiegħra. Il-gvern għadu qed iġib ruħu bħallikieku kollox miexi ħarir u din l-imġieba qiegħda tħasseb saħansitra lil dawk li minn dejjem taw l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat. Dalgħodu semmejt lill-eks membru parlamentari Ewropew tal-Labour Marlene Mizzi u lill-eks President Marie Louise Coleiro Preca. Dak li stqarrew huwa ta’ sinjifikat kbir għaliex dawn it-tnejn huma veterani fil-Partit Laburista u ma tantx għandhom għalxiex ikollhom grazzja ma’ Daphne Caruana Galizia u ma’ dawk li ġabu ruħhom b’mod xejn ammirevoli minn dakinhar li nqatlet sal-lum.

Dawn iż-żewġ politiċi nisa qed jirrifjutaw li jinjoraw il-fatti u qed jinsistu li Joseph Muscat għandu jwarrab minnufih.

M’hix ħaġa li tiġri ta’ spiss meta esponenti tal-Partit Laburista jibdew jagħtu l-ġenb dak kollu li jiġu ordnat mit-tmexxija ċentrali tal-partit. Għal tliet snin u nofs sħaħ, l-ordni kienet li l-allegazzjonijiet dwar il-Panama ħadd m’għandu jemminhom. Minkejja l-provi dokumentati li xxandru, dawn kienu njoraw kollox sforz il-lejaltà li kienu jħossu lejn il-partit tagħhom.

Issa m’għadhomx jinjoraw kollox. U jinsabu partikularment urtati għall-fatt li t-tmexxija tal-partit ma kienitx qaltilhom b’liema mod kellhom jirreaġixxu għall-gideb tal-oppożizzjoni u għal tliet snin u nofs sħaħ intalbu li jikkoperaw permezz tas-skiet tagħhom fit-tfassil u l-eventwali cover-up ta’ assassinju. Dak li għamlu, ma kienu qatt ħolmu li għad jispiċċaw jagħmluh.

Dawk l-esponenti Laburisti li għandhom kuxjenza (hemm bosta minn dawn) bħalissa moħħhom jinsab iberren fuq ix-xiljiet li kienu ġew imġiegħla jirrepetu: jiġifieri li Daphne hi traditur; li Daphne qed tigdeb; li Daphne tobgħod lil Laburisti. U aktar tard wara l-twettaq il-qtil tagħha, rrepetew l-insinwazzjonijiet insidjużi mfasslin fil-forma ta’ mistoqsija: iben Daphne il-għala ħalla l-karrozza barra?; x’sar minnu l-laptop?; ulied Daphne jridu li ssir ġustizzja għal ommhom jew għandhom biss mibgħeda għal tal-Labour?

Dawn il-kalunji mgeżwrin f’mistoqsijiet kienu jirrepetuhom bil-qalb għaliex lill-partit tagħhom kienu jafdawħ u fl-istess waqt ma kienux jafdaw dak kollu li kien jingħad mill-avversarji. Dawn saħansitra kienu lesti jassumu li kienu ulied Daphne li qatlu lil ommhom. Għal dawk li għandhom din il-mentalità, dawn huma nies ħżiena ġaladarba m’humiex Laburisti u għax m’humiex Laburisti jaslu biex joqtlu lil ommhom stess.

Tifhmunix ħażin. B’daqshekk ma rridx infisser li nies bħal Marie Louise Coleiro Preca dan kollu b’xi mod igħaddilhom minn moħħhom. Madankollu nemmen li min jaħsibha bħalha jista’ jasal biex, hu u jservi fil-kariga ta’ president, saħansitra jassumi li l-uniku interess ta’ kull minn m’huwiex Laburist hu li jneħħi lill-Partit Laburista mill-gvern.

Ilkoll assistejna għall-bidla li seħħet fl-imħuħ tan-nies hekk kif ġie arrestat Yorgen Fenech. Jeħtieġ niftakru li, kemm ilu li Fenech ġie arrestat, ma feġġew ebda provi ġodda   li jkomplu jsostnu l-akkuża li kienet saret tliet snin u nofs ilu fis-sens li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu xxaħħmu minn Yorgen Fenech dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Ma kien feġġ xejn ġdid dwar dan sa minn Ottubru 2018 ‘l hawn meta tar-Reuters kienu semmew lil Yorgen Fenech bħala s-sid tal-kumpannija 17 Black.

U minkejja dan kollu, kien dakinhar li ġie arrestat Yorgen Fenech li għall-ewwel darba l-pożizzjonijiet fi ħdan il-gvern ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi ma baqgħux tenibbli. Fl-imħuħ tan-nies – saħansitra anki fl-imħuħ ta’ xi kollegi fil-kabinett – l-arrest ta’  Yorgen Fenech kien biżżejjed biex Keith Schembri u Konrad Mizzi jiġu mġiegħla jerfgħu r-responsabbiltà politika tagħhom u jwarrbu mis-siġġu tas-setgħa.

Minn dakinhar ‘l hawn, is-sitwazzjoni kompliet teħżien. Wara li Melvin Theuma ngħata l-maħfra b’azzjoni unilaterali tal-prim ministru – azzjoni li x’aktarx ittieħdet biex issir l-inqas ħsara possibbli lil Joseph Muscat – Theuma qal li kien biss wara li kien tqabbad minn Yorgen Fenech biex joqtol lil Daphne li ltaqa’ ma’ ħaddiema mill-uffiċċju tal-prim ministru.

Smajna dwar kif Sandro Craus kien iċempillu d-dar. Dwar kif Keith Schembri kien laqgħu fit-taraġ tal-uffiċċju tal-prim ministru – l-istess post fejn jintlaqgħu dinjitarji barranin – offrielu kafè u ħadu ritratt flimkien. Dwar kif Keith Schembri għamel pressjoni fuq uffiċjal tal-gvern biex Melvin Theuma jingħata mpjieg mal-gvern li għalih kellu jitħallas mingħajr ma jaħdem. Dwar kif Kenneth Camilleri kien jikkomunika mal-assassini li kienu qed jistennew biex jgħaddu proċess fil-qorti u dwar kif dan wiegħedhom il-ħelsien mill-arrest u ħlas ta’ bagatella flus dment li dawn iżommu fommhom sieket.

Sandro Craus huwa l-kap tal-‘customer care’ fl-uffiċċju tal-prim ministru. Ovvjament Keith Schembri kien l-imgħallem l-aktar anzjan tal-gvern. U Kenneth Camilleri kien il-bodyguard prinċipali tal-prim ministru.

B’differenza għal Yorgen Fenech, Melvin Theuma m’huwiex qed iwaħħal f’Keith Schembri għall-assassinju. Madankollu l-informazzjoni li għadda s’issa timplika lill-prim ministru u lil dawk ta’ taħtu f’konġura kriminali ta’ qtil.

U mbagħad hemm l-istorja dwar il-mod kif Yorgen Fenech kien tarraf informazzjoni lil Melvin Theuma dwar il-xogħol tal-pulizija u tas-servizzi tas-sigurtà, liema informazzjoni Yorgen Fenech igħid li kien akkwistaha mingħand Keith Schembri. Għandkom tiftakru (dan ktibnieħ ukoll fil-ktieb tagħna) fl-interrogazzjoni li kien għamel Keith Arnaud lill-aħwa Degiorgio wara li dawn kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017. F’dik l-interrogazzjoni, l-Ispettur Arnaud kien ħass ruħu urtat għall-fatt li l-aħwa Degiorgio deheru li jafu li kienu ser jiġu arrestati.

Alfred Degiorgio kien kiteb in-numru tal-mobile tat-tfajla tiegħu bil-linka fuq il-pala ta’ jdejh u kien rema’ l-baħar il-mobiles kollha li kellu. Dakinhar lanqas il-kelb li s-soltu kien ikun fil-maħżen tal-patata fil-Marsa ma kien hemm.

Melvin Theuma qal li kien hu li lill-aħwa Degiorgio wissiehom bil-quddiem li kienu ser jiġu arrestati. Għamel dan wara li kien wissieħ Yorgen Fenech. Minn naħa tiegħu, Yorgen Fenech jgħid li din l-informazzjoni kien akkwistaha mingħand Keith Schembri. U, kif sirna nafu minn fomm Joseph Muscat stess, Keith Schembri kien ikun preżenti għal laqgħat mas-servizzi sigrieti.

Għaldaqstant feġġew l-akkużi li Keith Schembri xjentement kiser l-obbligi tiegħu f’dik li hi segretezza uffiċjali u li Joseph Muscat, fl-aħjar ipotesi, wera’ negliġenza grassa billi qiegħed fil-periklu ħajjet is-suldati u l-pulizija li kienu marru biex jarrestaw lill-aħwa Degiorgio. X’kien jiġi li kieku l-aħwa Degiorgio – li issa kienu ġew avżati li kienu ser jinġabru – ddeċidew li jisparaw lura fuq il-pulizija u fuq is-suldati? B’xorti tajba ma ġara’ xejn minn dan kollu iżda tistgħu tibqgħu ċerti li dawn raw kif għamlu biex ħelsu minn provi li, fi stadju aktar bikri, setgħu jorbtuhom mal-membri l-oħrajn tal-konġura kriminali.

Allura kellna lil Keith Schembri jbagħbas bil-provi u lil Joseph Muscat iżommu f’postu biex ikun jista’ jkompli jbagħbas.

L-eks segwaċi kollha li issa qed jinsistu li Joseph Muscat għandu jwarrab minnufih spiċċaw stenbħu hekk kif ġie arrestat Yorgen Fenech. Malli seħħ l-arrest, stenbħu dwar dik li kienet il-motivazzjoni vera wara t-twettiq tal-assassinju. Bdew jifhmu li, wara kollox, dak li kienet kitbet dwaru Daphne ma kienx frott tal-immaġinazzjoni tagħha u li fil-fatt kellha raġun dwar dak kollu li kienet kitbet fuq 17 Black u fuq il-kumpanniji sigrieti tal-Panama.

U malli stenbħu dwar dan, dlonk tefgħu ħarsithom minn fuq Yorgen Fenech għal fuq dawk il-persuni li huwa kien xaħħam, jiġifieri Keith Schembri u Konrad Mizzi. F’dan l-istadju, din kienet ir-raġuni il-għala r-riżenja tagħhom – ħaġa li damu ħafna żmien jirreżistuha – kienet saret inevitabbli. Għaliex issa deher li setgħu kienu huma li kienu l-imħuħ wara l-assassinju. Dak li kien deher possibbli issa kien qed jidher probabbli.

Dawk li kienu segwaċi ta’ Joseph Muscat issa stenbħu wkoll għall-fatt li l-prim ministru ilu jaf aktar minn sena li Yorgen Fenech kellu fuqu dell ta’ suspett u bosta huma dawk li qed jistaqsu l-mistoqsija li ġejja: lil Joseph Muscat kif m’għaddilux minn moħħu dak li huwa minn ewl id-dinja, jiġifieri li jekk Yorgen Fenech kien qatel lil Daphne, għamel dan biex igħatti d-delitti li wettaq bi sħab ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi?

Tliet snin u nofs ilu, bosta kienu dawk li staqsew x’kienet ir-raġuni li Joseph Muscat baqa’ ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi hekk kif dawn inkixfu mill-Panama Papers. U ħafna kienu dawk li ssuspettaw li kien żammhom f’posthom għaliex hu stess kien imdaħħal magħhom. Il-fatt li kien hemm ukoll it-tielet kumpannija tal-Panama kompla żied dawn is-suspetti.

Issa l-mistoqsija li bosta qed jistaqsu hi din: Joseph Muscat il-għala ma keċċiex lil Keith Schembri meta feġġ suspett raġjonevoli li dan tal-aħħar kien implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia? U, aktar ma jgħaddi żmien, bosta huma dawk li għandhom suspett raġjonevoli li Joseph Muscat stess jinsab implikat fid-delitt ukoll.

U hawn hu fejn jibda’ l-gwaj. Għandu jkun minn ewl id-dinja li Joseph Muscat imissu jwarrab minnufih sabiex il-ġustizzja tkun tista’ tieħu l-kors tagħha. U minkejja dan, dawk li qed jaspiraw li jieħdulu postu qed igħinuħ biex jibqa’ fejn hu, qed iżuru l-irħula miegħu, qed iħeġġu lin-nies biex jappoġġjawh u qed jgħattulu ħmieġu biex b’hekk jassiguraw li l-id tal-ġustizzja ma tasalx sal-għatba ta’ Joseph Muscat.

Il-messaġġ li qed tipprova twassal it-tmexxija tal-Labour hi li l-partit għandu juri li hu “magħqud”. Dan ifisser li dak li stqarrew Marlene Mizzi u Marie Louise Coleiro Preca fl-aħħar 24 siegħa – u tistgħu tibqgħu ċerti li magħhom hemm ħafna oħrajn – jammonta għal delitt kontra l-Partit Laburista.

Il-fatti juru li, bis-saħħa tal-‘għaqda’ li l-Partit Laburista jrid li jkun hemm ma’ Joseph Muscat, dawk li biss sa xahar ilu kienu għadhom qed jafdaw lil tal-Labour, issa se jerġgħu jaħsbuha sewwa għandhomx jibqgħu jafdawh u jserrħu moħħhom li ma jkunx l-istess partit  – b’Muscat, Schembri u Mizzi jew anki mingħajrhom – li fil-ġejjieni jfettillu jorganizza assassinju biex isikket lil kull min ikun ta’ xkiel għalih.

B’xorti tajba, ftit huma dawk li jkunu lesti li jibqgħu lejali lejn partit akkost li jgħixu ħajjithom beżgħanin li jistgħu jinqatlu mill-gvern tagħhom stess.