M’hux bi ħsiebni ningħaqad ma’ dawk li bħalissa qed iħossu ruħhom ixxukkjati u diżappuntati. Ivan Camilleri tkeċċa mill-impjieg tiegħu minn mat-Times of Malta għaliex dawk li kienu l-imgħallmin tiegħu dehrilhom li kien għadda lil Yorgen Fenech informazzjoni li hu kien akkwista fil-kors tax-xogħol tiegħu li l-pulizija kien bi ħsiebha tixlieħ bil-qtil ta’ Daphne.
Is-sens ta’ xokk u ta’ diżappunt huma reazzjonijiet naturali mhux l-inqas in vista tal-fatt li Ivan Camilleri huwa ġurnalist li wettaq xogħol siewi u li xandar stejjer dwar il-korruzzjoni tal-gvern li kienu importanti u li għenu biex nifhmu aħjar kif dan il-pajjiż mar il-baħar.
Minn naħa tiegħu, Ivan Camilleri qed jinsisti li mhux veru li kien għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech u bi ħsiebu jikkontesta t-tkeċċija tiegħu.
Kif għandu kull dritt. Jekk intefa’ dell fuq ismu b’mod inġust, għandu kull dritt li jfittex rimedju biex inaddaf ismu. Iżda tat-Times of Malta wkoll għandhom kull dritt li ma jkomplux jimpjegawħ sakemm jagħmel dan.
Din m’hi xejn ħlief lezzjoni fl-etika lill-gvern.
Keith Schembri baqa’ jirrenja f’Kastilja għal xhur u snin wara li nkixef l-iskandlu tal-Panama u baqa’ jirċievi nformazzjoni u dettalji dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia saħansitra anki fiż-żmien meta waqgħu s-suspetti fuq Yorgen Fenech. U rriżulta li baqa’ jgħaddi informazzjoni lil Yorgen Fenech anki wara li Yorgen Fenech kien ġie arrestat.
Madankollu bejn dawn iż-żewġ każijiet ma jista’ jsir ebda paragun.
Minn dan id-diżastru li ninsabu għaddejjin minnu jeħtieġ li, bħala pajjiż, nieħdu tagħlima u fl-istess ħin nintebħu li s-sistema ma nħakmitx minn marda. Il-marda hi s-sistema stess. Fi ħdan il-gvern, fi ħdan il-pulizija, fi ħdan il-qrati u, mid-dehra, anki fi ħdan l-istampa, d-distinzjoni bejn dak li hu sewwa u dak li m’huwiex saret superstizzjoni.
L-interessi ta’ dawk li jifilħu jħallsu saru prijorità assoluta fuq kull konsiderazzjoni oħra. Yorgen Fenech għad jispiċċa jsir it-Tommaso Buscetta ta’ Malta. Jidher li huwa lest li jikxef l-għawwar. Nittamaw li dak bi ħsiebu jikxef jagħti stampa ċara u eżatta dwar il-mod kif pajjiżna spiċċa f’idejn grupp żgħir ta’ persuni għonja li lill-bqija tal-poplu jqisuh bħala s-seftur tiegħu li jiġbor il-frak li jaqa’ fuqu mill-bwiet imfawwrin tagħhom.
Din il-marda ma ttitfejjaqx.
Lill-pajjiż jeħtieġ li nerġgħu nibnuh mill-ġdid. U dan il-bini mill-ġdid jeħtieġ li jsir minn dawk fostna li jafu jagħrfu dak li hu sewwa u jafu jwarrbu dak li m’huwiex. Inkella ser ikollna ta’ sikwit inkomplu niffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ xokk u diżappunt.