Forsi għadu kmieni wisq biex wieħed joqgħod jispekula dwar x’ser ikun l-impatt sħiħ tas-sentenza li tat il-Qorti tal-Appell illum li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali ġie ordnat jgħaddi kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
S’issa Adrian Delia għadu ma ngħatax kopja tar-rapport. Inkredibilment, l-Avukat Ġenerali qed jipprova jisloħ jumejn oħra li qed jgħid li ttiħ il-liġi biex joqgħod għall-ordni tal-Qorti. Meta wieħed jiftakar li kulma jrid jagħmel l-Avukat Ġenerali biex joqgħod għal din l-ordni hu li jibgħat e-mail identika għal dik li f’Lulju 2018 kien bgħat bilġri lil Joseph Muscat, dawn il-jumejn li jrid jisloħ m’huma xejn ħlief tkaxkir tas-saqajn.
Tiftakru x’kien ġara’ meta Joseph Muscat kien irċieva l-email mingħand l-Avukat Ġenerali Peter Grech: l-għada Joseph Muscat kien infexx f’bikja quddiem il-kameras tat-televiżjoni.
Diffiċli li wieħed jifhem eżatt x’logħba qed jipprova jilgħab Peter Grech barra t-tkaxkir tas-saqajn iddisprat minn Joseph Muscat u tal-klikka tiegħu.
Hemm kwistjoni fis-sentenza li tat il-Qorti llum li hi ta’ sinjifikat – kwistjoni li x’aktarx se tintilef fost id-dagħdiha ta’ argumenti li mistenni li jkun hemm.
Il-Qorti tal-Appell illum irrikonoxxiet il-funzjoni kostituzzjonali tal-Oppożizzjoni u tal-mexxej tagħha. Dawn għandhom funzjonijiet x’jaqdu. Dawn huma l-iskrutinju tax-xogħol tal-gvern, tad-deċiżjonijiet li jieħu u tal-imġieba tiegħu. U biex ikunu jistgħu jaqdu din il-funzjoni, l-istituzzjonijiet tal-istat – f’dan il-każ l-Avukat Ġenerali – għandhom id-dmir li jinfurmawhom dwar dak li jkun qed jagħmel il-gvern.
Għall-Qorti tal-Appell din hi l-ogħla kunsiderazzjoni u tmur lil hinn mill-oġġezzjonijiet vojta u l-ġustifikazzjonijiet kollha li kienu tqajmu mill-Avukat Ġenerali biex kollox jinżamm mistur. Il-Qorti illum qablet li jeżistu raġunijiet validi għala r-rapport tal-inkjesta Egrant m’għandux jiġi mxandar. Iżda m’hemm ebda raġuni l-għala għandha tiġi miċħuda kopja lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Qorti wkoll ġibdet l-attenzjoni dwar kwistjoni oħra u fakkret li fix-xhieda tiegħu Peter Grech kien qal li għandu moħħu mistrieħ li Joseph Muscat ser jirrispetta l-kunfidenzjalità tar-rapport. L-Imħallfin illum staqsew il-għala l-Avukat Ġenerali m’għandux ikollu moħħu mistrieħ ukoll fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni?
Dan ir-raġunament tal-Qorti huwa ta’ sinjifikat kbir u jfakkarna li l-kostituzzjoni taħdem sewwa meta dawk li jħaddmuha jġibu ruħhom kif huwa mistenni li jġibu ruħhom: dawn jeħtieġ li jkunu fdati li jġibu ruħhom b’serjetà, lealtà lejn il-liġijiet u l-kostituzzjoni u, meta dan ikun meħtieġ, bil-kunfidenzjalità.
Jeħtieġ li jkunu fdati. Peter Grech, Adrian Delia, Joseph Muscat: jekk il-persuni li jokkupaw l-ogħla karigi m’humiex fdati, ma jistax ikun hemm fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna.
M’għandniex xi ngħidu, l-Qorti tal-Appell għandha raġun.
U malajr tinbet il-mistoqsija: imma lil min nistgħu nafdaw?