Il-membri tal-Parlament Ewropew illum intalbu jivvutaw dwar jekk Joseph Muscat għandux iwarrab minnufiħ jew inkella jitħalla jgawdi l-aħħar Milied tiegħu f’Kastilja. Il-biċċa l-kbira tagħhom qalu li għandu jwarrab issa. Il-lista ta’ dawk li vvutaw kontrih ma tispiċċa qatt. Mela ejjew nagħtu daqqa t’għajn lejn il-lista ta’ dawk li għalihom ma jkun ġara’ xejn jekk Joseph Muscat jibqa’ f’postu għal naqr’oħra.

Tal-grupp ECR tant huma konservattivi li ma felħux jibqgħu membri fi ħdan il-grupp ċentru-lemini tal-Parlament Ewropew. Tal-ID jinsabu fuq il-lemin estrem. U mbagħad hemm tal-NI li tfisser “dawk li m’humiex affiljati”. Bosta minn dawn ikkontestaw l-elezzjoni fir-Renju Unit mal-Partit tal-Brexit. Dan ifisser li sa Frar li ġej ma jkunux għadhom membri tal-Parlament Ewropew. Dawn huma tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tiġi abolita. Li kieku mara bħal Ann Widdecombe kellha tivvota biex tappoġġjani, ma kontx nindenja ruħi li nitfa’ r-riżenja tiegħi. Kont immur naqbeż mill-irdum għal isfel.

Dawk li taw l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat huma nies tal-lemin u tal-lemin estrem. Tawħ l-appoġġ tagħhom erba’ soċjalisti li jisimhom Agius Saliba Cutajar, Dalli and Sant.

Dawn qalu li ddifendew lil Malta bil-vot tagħhom. Iddefendew lil Malta minn xiex? Tgħid lil Malta iddefendewha minn kull fehma politika fl-Ewropa ħlief mill-fehma faxxista?

Dawn mhux lil Malta ddifendew. Iddifendew lil Joseph Muscat u lill-ħallelin ta’ madwaru. Dawn ser jegħrqu miegħu. Huma l-Kavallieri li Jgħidu “Le”.

Il-Malti jgħid “ma min rajtek xebbaħtek”. Ħlief għal dawn l-erbgħa, s-soċjalisti kollha vvutaw favur li Joseph Muscat iwarrab.

Dawn l-erbgħa vvutaw mal-faxxisti.

Rajnihom mal-faxxisti u xebbaħnihom magħhom.