Joseph Muscat ma jridniex noqgħodu nitħassbu li Keith Schembri tħalla jgħaddi informazzjoni sigrieta lil min huwa suspettat bi qtil u baqa’ jgħaddiha lixxa. Ma jridniex noqgħodu nistaqsu l-għala lil Konrad Mizzi, li għadu kif ġie mġiegħel iwarrab minħabba l-iskandlu Panama/17 Black, il-Pulizija għadha ma bgħatitx għalih. Ma jridniex insiru nafu x’inhi l-konklużjoni li ġibdet il-Pulizija dwar l-allegazzjoni li għamel Chris Cardona li Keith Schembri pprova jwaħħal fiħ għat-twettiq tad-delitt. Għal ġieħna, xejn minn dan kollu huwa ta’ importanza.
Iżda hi ta’ importanza kbira l-allegazzjoni li min mar jipprotesta l-bieraħ ma kellux permess biex jipprotesta! U issa anki miegħi qabdu. Matul dawn l-aħħar 24 siegħa jien u marti rċievejna numru ta’ messaġġi mimlijin tgħajjir. Kull min kien qed jipprotesta l-bieraħ u ntgħaraf, x’aktarx irċieva wkoll messaġġi intimidatorji.
Din l-intimidazzjoni għandha t-tberika tal-korp tal-pulizija li llum ħareġ stqarrija biex igħid li l-protesta tal-bieraħ ma kienx hemm lokha.
Hemm ukoll numru ta’ suldati li fuq il-media soċjali tgħidx kemm newħu għax qalu li kien hemm ħafna għajjat waqt li huma kienu qed jimmarċjaw fit-triq. Mhux is-suldati kollha lmentaw. Jidher li l-biċċa l-kbira tagħhom fehmu li, ġaladarba huma ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-cover-up li sar biex jgħatti xtur il-qattirela ta’ Daphne Caruana Galizia, l-protesta ma kienitx indirizzata lejhom.
Il-bieraħ filgħodu kmieni lid-dimostranti tajthom parir u ktibt li kieku l-awtoritajiet kienu ser jagħmlu użu miż-żwiemel fil-parata, m’għandux ikun hemm għajjat u tisfir għaliex iż-żwiemel ċertament ma kienux ser jifhmu li r-rabja tan-nies m’hix waħda li hi ndirizzata lejhom. U l-bieraħ iż-żwiemel tħallew fl-istalel tagħhom.
Iżda dalgħodu kien hemm numru ta’ suldati li – msieken – ħassew għafsa ta’ qalb u ħadu għalihom għaliex minflok applawsi sabu ma’ wiċċhom għajjat ta’ ‘korrotti’ u ‘mafia’. U morru xxejru! Fejn hi l-maturità? Hemm għalfejn intemmgħuhielkom bl-imgħarfa? Kienet ħaġa minn ewl id-dinja li l-protesti kienu kontra Joseph Muscat u mhux kontra s-suldati.
Il-One TV, li tant tkaża li l-protesta tal-bieraħ ma kellhiex permess, ikkwota lil ċertu Roger Mulvaney mill-armata li qal li jħossu diżgustat u mweġġa’. O jaħasra! X’weġgħa ta’ qalb! Fakkarni f’dik it-tarbija ta’ sentejn li tibda’ tingħi u tnewwaħ hekk kif ommha titfaċċa lura d-dar mill-isptar wara li din tkun xtrat tarbija oħra.
Iva, Sur Roger Mulvaney, nimmaġina li ma ħadtx pjaċir tara mijiet ta’ nies irrabjati għal Joseph Muscat għaliex dan qed jirrifjuta li jwarrab minnufiħ.
Nimmaġina li tippreferi tieħu ħsieb is-sigurtà ta’ pajjiżna billi toqgħod iċċafċaf fl-ilma ma’ ġenb mart Joseph Muscat hi u turina kemm taf tagħmel meravilji fil-baħar.
U issa qed ikollna noqgħodu niddefendu ruħna talli wettaqna delitt immaġinarju li ma tlabniex permess biex inħeġġu lil Joseph Muscat idabbar rasu. La kien hemm tkissir u lanqas vjolenza u l-gvern qed jipprova jipperswadina li kellu jsejjaħ lill-korp tal-pulizija kollu għal ġo Triq ir-Repubblika sa mill-4 ta’ filgħodu u b’qerq liema bħalu mhux biss akkużana li wettaqna l-vjolenza iżda wkoll xliena li ma tlabniex permess.
Ma kellna bżonn ebda permess biex inwasslu l-messaġġ li xtaqna nwasslu. Hawn la qiegħdin ngħixu f’xi monasteru u lanqas m’aħna qed ngħixu fi Pyongyang.
It-tkażar falz li tkażajtu tafu x’għandkom tagħmlu bih. Lil Keith Schembri min ser jarrestah? Lil Joseph Muscat minn ser jinterrogah? U Konrad Mizzi min ser jixlieh? Min ser jinvestiga d-delitti kriminali li twettqu fil-Berġa ta’ Kastilja? U dawk li għadhom ma xebgħux jerdgħu demm pajjiżna, min ser jieħu ħsiebhom?
Konklużjoni waħda jeħtieġ li tinġibed. Bqajna fl-istess ilma: il-gvern baqa’ jagħmel użu mill-qerq u mill-gideb u lill-istituzzjonijiet indipendenti (f’dan il-każ, l-armata u l-pulizija) qed jużahom għall-propaganda partiġġjana, baqa’ jabbuża mill-poter, bqajna bl-istess impunità, bl-istess kampanja ta’ intimidazzjoni kontra minn għandu fehma differenti, bqajna bl-istess abbużi permezz tal-mezzi tax-xandir tal-partit u bl-istess mibgħeda tribali.
U jekk kellkom xi tama li Chris Fearne jew Robert Abela għad jieħdu passi biex iwaqqfu dawn l-abbużi kollha, erġgħu aħsbuha sewwa. Ftakru li Chris Fearne u Robert Abela kienu ħaġa waħda mal-makna li sal-lum għadha tagħti l-kenn kollu lil Joseph Muscat u lill-klikka tiegħu.
Dawn l-abbużi mhux ser jieqfu.
U jekk ikun hemm xi ħadd li jażżarda jiqfilhom bħalma kienet waqfitilhom Daphne, dawn saħansitra jaslu biex joqtlu – għax għandhom is-saħħa.