Wieħed wara l-ieħor, il-membri tal-Parlament Ewropew tkellmu dwar fatti li ma jista’ jiċħadhom ħadd.
- Ġurnalista ġiet assassinata.
- Kienet ġurnalista li nvestigat korruzzjoni li dwarha s’issa ma ttieħdu ebda passi.
- Jeżisti suspett ġustifikat li kien imdaħħal l-uffiċċju tal-prim ministru f’cover-up tal-assassinju u li għalhekk jeżisti suspett li kien involut fil-qtil innifsu.
- Joseph Muscat għadu jokkupa l-kariga ta’ prim ministru.
Fuq dawn il-fatti qabel kulħadd.
Il-membri tal-Partit Soċjalista Ewropew ta’ Joseph Muscat ma tantx urew ħerqa li jitolbuħ iwarrab minnufiħ. Dehru li kienu lesti jikkuntentaw bil-fatt li se jwarrab dalwaqt. Il-bqija tal-ewroparlamentari wrew id-diżapprovazzjoni u l-istmerrija tagħhom għall-fatt li Joseph Muscat iddeċieda li jibqa’ fil-kariga anki għal ftit ġimgħat oħra.
Iżda anki jekk mhux kulħadd qabel li għandu jwarrab minnufiħ, jidher li hemm kunsens ġenerali li l-gvern ta’ Malta qabeż il-limiti kollha tal-valuri Ewropej u li, minkejja l-ħafna diskors li ngħad, it-twettiq ta’ riformi veri kien negliġibbli. Jidher ukoll li hemm qbil li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni kontra Malta, ikun min ikun qed imexxi l-gvern tagħha.
Il-Kummissjoni kienet imħejjija sew u fakkret lill-ewroparlamentari li l-bieraħ kitbet lil Owen Bonnici u talbitu jgħaddilha programm ta’ azzjoni għat-twettiq tar-riformi. Qaltlu biex mill-kliem igħaddi għall-fatti u biex iwettaq it-tibdiliet li hemm bżonn li jseħħu.
Waqt li kien għaddej id-dibattitu, Keith Schembri kien f’daru u stqarr li kien l-uniku persuna li ma kienitx taf li llum kellha tidher il-qorti. Barra l-għatba tal-bieb tiegħu kien hemm numru ta’ karrozzi tal-pulizija, marixxalli tal-qorti u ġurnalisti li damu jistennew barra għal sigħat sħaħ sakemm xi ħadd ippreswadieħ li jitfaċċa, forsi malli ra b’għajnejh il-mandat ta’ arrest iffirmat minn imħallef.
Il-ħabib tiegħu għadu sal-lum il-prim ministru ta’ Malta. Dan ċertament m’huwiex aċċettabbli. Dawn in-nies qed iħammrulna wiċċna mad-dinja kollha. M’hix ħaġa taċ-ċajt.