F’dan ir-ritratt li nġibed dalgħodu jidher Keith Schembri fil-karrozza tal-marixxall tal-qorti hekk kif ittieħed mill-villa tiegħu f’Santa Marija Estate biex jixhed fil-qorti f’kawża kostituzzjonali li saret minn Yorgen Fenech kontra l-awtoritajiet Maltin. Yorgen Fenech jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema qtil li huwa jiċħad li kien wettaq.

Permezz ta’ rikors kostituzzjonali, Yorgen Fenech allega li l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni għandu ħbiberija intima ma’ Keith Schembri li ma tippermettix lill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni li jkunu ġusti fil-konfront tiegħu. Yorgen Fenech qed jallega li l-moħħ veru wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa Keith Schembri, dak li kien iċ- chief of staff tal-uffiċċju ta’ Joseph Muscat u li kien ħabib intimu “bħall-aħwa” ma’ Yorgen Fenech. Fix-xhieda li huwa ta dalgħodu, Yorgen Fenech qal li Keith Schembri kien qallu li l-Ispettur Keith Arnaud ta’ sikwit kien igħaddilu dettalji dwar kif kienet sejra l-investigazzjoni u li, minn naħa tiegħu, Keith Schembri kien igħaddi din l-informazzjoni lil Yorgen Fenech.

Minn naħa tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud ammetta li ta’ sikwit kien jikkomunika permezz tal-WhatsApp ma’ Keith Schembri, iżda qal li din il-komunikazzjoni kienet biss dwar il-ko-ordinament ta’ laqgħat f’Kastilja. L-Ispettur Arnaud naqas li jipproduċi kopji ta’ dawn il-konversazzjonijiet u qal li ħafna minn dawn kienu ntilfu meta kien bidel il-mobile tiegħu u li kien ħassar ħafna minnhom.

Keith Schembri jinsab fi triqtu lejn il-qorti fejn ser jiġi mġiegħel jixhed.

Ir-ritratt ta’ hawn fuq inġibed minn Ben Borg Cardona.