Wieħed wara l-ieħor, il-membri tal-Parlament Ewropew tkellmu dwar fatti li ma jista’ jiċħadhom ħadd.

  1. Ġurnalista ġiet assassinata.
  2. Kienet ġurnalista li nvestigat korruzzjoni li dwarha s’issa ma ttieħdu ebda passi.
  3. Jeżisti suspett ġustifikat li kien imdaħħal l-uffiċċju tal-prim ministru  f’cover-up tal-assassinju u li għalhekk jeżisti suspett li kien involut fil-qtil innifsu.
  4. Joseph Muscat għadu jokkupa l-kariga ta’ prim ministru.

Fuq dawn il-fatti qabel kulħadd.

Il-membri tal-Partit Soċjalista Ewropew ta’ Joseph Muscat ma tantx urew ħerqa li jitolbuħ iwarrab minnufiħ. Dehru li kienu lesti jikkuntentaw bil-fatt li se jwarrab dalwaqt. Il-bqija tal-ewroparlamentari wrew id-diżapprovazzjoni u l-istmerrija tagħhom għall-fatt li Joseph Muscat iddeċieda li jibqa’ fil-kariga anki għal ftit ġimgħat oħra.

Iżda anki jekk mhux kulħadd qabel li għandu jwarrab minnufiħ, jidher li hemm kunsens ġenerali li l-gvern ta’ Malta qabeż il-limiti kollha tal-valuri Ewropej u li, minkejja l-ħafna diskors li ngħad, it-twettiq ta’ riformi veri kien negliġibbli. Jidher ukoll li hemm qbil li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni kontra Malta, ikun min ikun qed imexxi l-gvern tagħha.

Il-Kummissjoni kienet imħejjija sew u fakkret lill-ewroparlamentari li l-bieraħ kitbet lil Owen Bonnici u talbitu jgħaddilha programm ta’ azzjoni għat-twettiq tar-riformi. Qaltlu biex mill-kliem igħaddi għall-fatti u biex iwettaq it-tibdiliet li hemm bżonn li jseħħu.

Waqt li kien għaddej id-dibattitu, Keith Schembri kien f’daru u stqarr li kien l-uniku persuna li ma kienitx taf li llum kellha tidher il-qorti. Barra l-għatba tal-bieb tiegħu kien hemm numru ta’ karrozzi tal-pulizija, marixxalli tal-qorti u ġurnalisti li damu jistennew barra għal sigħat sħaħ sakemm xi ħadd ippreswadieħ li jitfaċċa, forsi malli ra b’għajnejh il-mandat ta’ arrest iffirmat minn imħallef.

Il-ħabib tiegħu għadu sal-lum il-prim ministru ta’ Malta. Dan ċertament m’huwiex aċċettabbli. Dawn in-nies qed iħammrulna wiċċna mad-dinja kollha. M’hix ħaġa taċ-ċajt.