L-għaqda li fiha tiġbor ir-rappreżentati tal-industrija tal-gaming f’Malta ħabbret li l-ġrajjiet li seħħew f’Malta f’dawn il-ġranet “kienu u għadhom ta’ tħassib kbir għall-industrija tal-iGaming li topera madwar id-dinja u li hi bażata f’Malta. Bħal kull industrija oħra, l-Industrija tagħna tikber sforz l-istabilità u titlob li jkun hemm livelli għoljin fi ħdan l-istituzzjonijiet f’dik li hi s-saltna tad-dritt”.

Din id-dikjarazzjoni saret wara li xi jiem ilu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel attentat biex iserraħ l-irjus tal-mexxejja tal-industrija tal-gaming hu u jindirizza l-konferenza tal-gaming SIGMA u li fiha ta assikurazzjoni li l-istituzzjonijiet Maltin qed jaħdmu b’mod effiċjenti u li l-liġijiet qed jiġu infurzati.

Permezz tal-għaqda tagħhom ‘iGen’, il-mexxejja tal-industrija qalu li “filwaqt jibqgħu impenjati lejn Malta, jawguraw li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL u tal-Kunsill tal-Ewropa u li jiġu fi tmiemhom l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dawk dwar il-każijiet kollha ta’ korruzzjoni”.

Moneyval, l-entità fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin, kienet semmiet id-dgħjufijiet li hemm fl-infurzar tal-liġijiet f’Malta.

iGen fakkret li l-industrija tal-iGaming hi t-tieni l-akbar industrija f’Malta u tirrappreżenta 13.5% tal-prodott gross domestiku dirett. Din l-industrija hi magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn kumpanniji pubbliċi li huma elenkati fil-boroż finanzjarji internazzjonali u li joperaw fi swieq internazzjonali taħt liċenzja. Fost il-membri tagħha hemm uħud mill-kumpanniji kbar bħalma huma Mr Green, Tipico, Betsson u Casumo fost oħrajn.