Joseph Muscat għandu seba’ mitt sena biex jerġa’ jsir “persuna privata” wara li jirtira mill-politika. Ma jkollux għalfejn joqgħod jara kif jagħmel biex jiżloq milli jwieġeb għal mistoqsijiet tedjanti.
Meta jsiru mistoqsijiet dwar infieq ta’ flejjes, fil-kultura tagħna nħossuna kemmxejn skomdi. Fl-imgħoddi jien kont miżżewweġ mara li trabbiet fil-Ġermanja tal-Lvant. Fil-kultura tagħhom, m’hemm xejn ta’ barra minn hawn jekk, f’nofs diskursata waqt okkażjoni soċjali, wieħed jistaqsihom dwar kemm jaqilgħu flus. Iżda fil-kuntest Malti, jekk ma tridx tintlaqa’ b’ħars bl-ikraħ, mistoqsijiet bħal dawn għandek tevitahom.
Bħalma jagħmel is-soltu ta’ bużullieqa li hu, Joseph Muscat jagħżel il-mistoqsijiet biex lis-segwaċi tiegħu jagħtihom il-ħabel biex jaqbżu għalih u jiddefenduh billi jinqdew bil-Facebook u bil-One TV.
Nagħtu eżempju. Int tilmenta li ma saritx ġustizzja ma’ Daphne. U dritt toħroġ ir-risposta: fejn kont int meta nqatlet Karin Grech? Int tilmenta dwar l-arloġġ tal-idejn tad-deheb li Joseph Muscat irċieva b’rigal mingħand Yorgen Fenech. U sparata toħroġ it-tweġiba: int ilmentajt meta Tonio Fenech kien aċċetta arloġġ tal-lira b’rigal?
Dalgħodu Joseph Muscat wieġeb billi qal li “m’hu affari ta’ ħadd il-mod kif jien nagħżel li nonfoq flusi”. Tweġiba bħal din għandu jistenniha kull bniedem kwalukwe li jippretendi li jsir jaf kemm sar infieq u x’inxtara’ permezz ta’ dak l-infieq. Kemm ħallast biex akkwistajt dak is-sett kbir tat-televiżjoni u minn fejn ġibt il-flus? M’hix affari tiegħek. Minn fejn ġibt il-flus biex għandek mnejn tħallas għal vjaġġ darbtejn fis-sena u biex tkun tista’ tiekol barra f’kull tmiem il-ġimgħa? M’hix affari tiegħek. Bil-paga li għandek kif għandek il-ħila li tħallas il-miżati tal-iskejjel privati ta’ wliedek? M’hix affari tiegħek.
It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha hi waħda minn ewl id-dinja. Ġaladarba l-prim ministru qed jonfoq aktar milli jdaħħal, dan ifisser li jew qed jaqla’ aktar milli qed jiddikjara li qed jaqla’ – mġieba li fiha nnifisha hi llegali – jew inkella hemm xi ħaddieħor li qed iħallaslu l-ispejjeż – imġieba li huwa stess jinsab fid-dmir li jipprojbixxi.
Kull min għandu kariga pubblika għandu jimxi bl-eżempju u bl-ogħla livell ta’ mġieba. Dan għaliex jeżisti r-riskju tal-korruzzjoni. U dan mhux biss fil-konfront ta’ min ikun qed jokkupa l-kariga ta’ prim ministru. Jekk f’dik il-kabina tal-Ewwel Klassi tal-ajruplan fi triqtu lejn id-Dubaj għal btala ta’ 72 siegħa kien hemm imħallef akkumpanjat mir-raġel tagħha u minn uliedha, mistoqsijiet ta’ din ix-xorta kienu jkunu leġittimi wkoll. Hi ċertament affari tagħna għaliex lill-imħallfin inħallsuhom il-paga biex iġibu ruħhom b’mod imparzjali u jekk dawn jispiċċaw jonfqu aktar milli jkunu qed idaħħlu, ikun ifisser li fin-nofs hemm xi “imma”.
Dan kollu jgħodd ukoll għal xi membru tal-bord tal-awtorità tal-ippjanar, għal xi kap ta’ dipartiment li joħroġ il-liċenzji jew il-permessi tan-negozju, għal xi uffiċjal tal-immigrazzjoni li jiddeċiedi dwar min għandu jakkwista viża, għal uffiċjal tal-pulizija li hu fid-dmir li jwaqqaf u jarresta lil min ibiegħ id-drogi u li jeqridhomlhom, eċċetra.
Kemm jonfqu u kemm għandhom il-ħila li jonfqu m’humiex kwistjonijiet li huma affari tagħhom biss. Dawn huma kwistjonijiet li huma wkoll affarina għaliex dawn in-nies suppost qiegħdin fejn qiegħdin biex jaħdmu għalina u jekk qed jitħallsu minn dawk li suppost għandha ssir l-għassa fuqhom (minn barunijiet tad-droga sa kuntratturi tal-bini) ikun ifisser li l-pajjiż ikun qed jiġi mmexxi mill-ħallelin li suppost hemm min qed jitħallas biex jgħassilhom.
L-eżempju tal-imħallef li semmejt aktar ‘il fuq iwassalni għal livell ieħor tat-tweġiba “mhux affari tiegħek” li ta l-prim ministru li għalkemm m’hix daqshekk minn ewl id-dinja għandha tiġi applikata b’mod ġenerali mingħajr ma tkun limitata biss għal dawk li jokkupaw kariga pubblika. Kien hemm żmien li fih imħallef kien ġie mixli b’korruzzjoni waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Il-pulizija kienu ntebħu li l-imħallef – minħabba żball li kien għamel – ma kienx qed ifassal skond id-drapp li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu u kien qed jonfoq aktar minn dak li suppost kien qed idaħħal. U dan l-imħallef spiċċa biex ħa ħajtu b’idejh qabel setgħet tixlieh il-pulizija.
Imħallef ieħor li kien instab ħati ta’ tixħim kien ġie mistoqsi x’kien għamel b’borża mimlija karti tal-flus li kien irċieva mingħand baruni tad-droga li kien qed jittama li jippreswadieh li jnaqqas piena f’sentenza tal-Qorti tal-Appell. L-imħallef kien qal li ried jeħles mill-flus malajr u ddeċieda li jonfoqhom f’deheb għal martu – deheb li, f’ċirkostanzi normali, ma kienx ikollu minn fejn iħallas għalih.
Għalkemm hawn qed nirreferi għall-imħallfin – persuni b’kariga pubblika – dan japplika għal kulħadd. Dawk li jonfqu aktar milli jkun qed jaqilgħu u għal żmien twil jgħixu ħajja li ma taqbel xejn mad-dħul li jista’ jkollhom, ma jitqiesux bħala bnedmin irresponsabbli li b’xi mod jirnexxielhom igħixu ħajja ta’ rejiet minkejja d-dħul modest tagħhom. Dawk li jgħixu din l-istil ta’ ħajja bis-saħħa ta’ ġid li ma jkollhomx il-ħila jispjegaw minn fejn ikun ġie, jitqiesu bħala kriminali. Id-delitti kriminali li jwasslu għal dan il-ġid kollu jistgħu jvarjaw u wħud minn dawn id-delitti jistgħu jkunu tali li kultura korrotta bħal tagħna taf tagħlaq għajn waħda għalihom. Ġid li ma jistax jiġi spjegat jista’ jkun ġej mit-traffikar tad-droga u traffikar tal-bnedmin, mill-prostituzzjoni, mill-kuntrabandu kif ukoll mill-qerq finanzjarju, evażjoni tat-taxxa, tixħim u korruzzjoni.
Hemm ħaġa waħda li hi ċerta. Jekk int ma jkollokx il-ħila li tispjega b’mod kredibbli minn fejn ġew flus li jista’ għandek fil-pussess tiegħek, dan ikun ifisser li għamilt xi ħaġa ħażina. M’hemmx dubju li dik ix-“xi ħaġa” jkun jeħtieġ li tiġi pruvata. Iżda kull ġid li ma jistax jiġi spjegat għandu jitqies bħala delitt kriminali.
Jekk ikollok il-ħila li – għal xi ftit taż-żmien – tgħaddiha lixxa minkejja li tkun qed tmexxi negozju ffinanzjat mid-droga bis-saħħa ta’ ħwienet u ristoranti jew minkejja li tkun qed taħsel flejjes ġejjin mit-tixħim, m’għandek qatt titħalla tgawdi d-dħul li jkun ġej minn din il-kriminalità kollha.
F’xi pajjiżi, tkun ħati ta’ delitt kriminali jekk ma jkollokx il-ħila li tispjega ġidek minn fejn ikun ġie u l-ġid li jkollok jispiċċa jittieħidlek. Jekk ma jkollokx il-ħila tispjega minn fejn ikun ġie l-ġid, ikun ifisser li l-istess ġid ma messux kien għandek.
Joseph Muscat qalilna li ‘mhix affari tagħna’.
Dan huwa l-istess bniedem li mexxa l-aktar gvern korrott fl-istorja. Bniedem li ġie mġiegħel iwarrab minħabba skandlu dwar korruzzjoni li ilu jipprova jgħatti għal tliet snin u nofs sħaħ. Ix-xahar li għadda nkixfu ħafna borom ta’ dawk li ttantaw ixaħħmu jew li xaħħmu lil Joseph Muscat b’rigali li jiswew il-belli liri. Huwa jinsab taħt suspett li hu l-kap ta’ konġura kriminali. U ġie mixli fil-beraħ li vvjaġġja lejn id-Dubaj (u aktar tard lejn Londra) bil-għan li jkun jista’ jkompli jgawdi minn ġid li mhuwiex tiegħu. Għalhekk – iva – hu ċertament affarina li nsiru nafu kif kellu l-ħila jħallas għal dak il-vjaġġ lejn id-Dubaj.
Mhux importanti persuna kemm tkun privata. Jekk din il-persuna ma tkunx qed tfassal skond id-drapp li jkollha u, minkejja dan, tgħix ħajja ta’ lussu, jkun minn ewl id-dinja jekk wieħed jistaqsi kif qed jirnexxielha tiffinanzja ħajja lussuża bħal din. Kemm ilu fis-setgħa, Joseph Muscat ma nefaq ebda sold mill-kont bankarju tiegħu. Bis-salarju ta’ prim ministru li għandu, ċertament għandu jsibha diffiċli biex ilaħħaq mal-ispejjeż ta’ biljetti Economy Class lejn id-Dubaj għalih u għall-familtu. Aħseb u ara l-ispejjeż marbutin ma’ biljetti Business Class. Iżda l-ispejjeż li għamel ta’ biljetti First Class m’huma xejn ħlief ġennata u bla dubju jqanqlu suspetti kbar.
Malta jmissha għandha liġijiet li jagħtu s-saħħa lill-awtoritajiet li jieqfu lil Joseph Muscat u li jkollhom is-setgħa li jagħmlu ħafna aktar minn dak li qatt jista’ jkollu l-ħila li jagħmel Jacob Borg .
Eh le ‘m’hix affari tagħna? Asal wasla magħna sal-għassa tal-pulizija ħalli tgħidilna għaliex taħseb hekk? Għandek id-dritt li jassistik avukat. Għandek id-dritt li żżomm is-skiet. U kulma tlissen jista’ jintuża kontrik quddiem il-qorti.’