Joseph Muscat ried jipproġetta arja ta’ kunfidenza dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni dwar Egrant. Ried jurina li għadu konvint li hu ma jistax jintmess. Dan jista’ jagħti l-każ għax tassew m’hemm xejn x’jinkixef u li qatt ma kien hemm xejn. Jista’ jkun li huwa innoċenti u, jfittxu kemm ifittxu, u jsibu xi jsibu, ma jistax jintmess għaliex qatt m’għamel xejn ħażin.
Iżda jeħtieġ niftakru li, dwar il-kwistjoni tal-Egrant, Joseph Muscat qatt ma qal li tant hu innoċenti li ‘nistgħu nfittxu kemm irridu għax m’aħna ser insibu xejn’. Sal-bieraħ stess id-difiża tiegħu nnifsu kienet waħda tas-soltu: attakki fuq persuni li hu jixli li bagħbsu d-dokumenti u lmenti dwar l-ispejjeż kbar li daħal kull min iħallas it-taxxi biex jinkixfu provi li s-sid ta’ Egrant huwa proprju hu.
Kliemu stess jikxfu l-qerq tiegħu. Bi kliemu qed iwissi lil min qed jixlih li dawn għad jiffaċċjaw konsegwenzi akbar milli qatt jista’ jiffaċċja hu. U anki li kieku dawn il-konsegwenzi jibqgħu ma jiffaċċjawhomx, ser inkunu aħna ċ-ċittadini onesti li ser ikollna nitgħabbew bil-piż u nħallsu miljuni kbar bil-għan li jiġu verifikati dawn l-allegazzjonijiet.
Hemm ċerti realtajiet li jkun xieraq li niġbed l-attenzjoni dwarhom.
Għall-ewwel mistoqsija dwar min hu sid Egrant għadna qatt ma rċevejna tweġiba għaliha. U għadna ‘l bogħod milli nirċevuha. Bil-miljuni li ntefqu fl-inkjesta ta’ Aaron Bugeja stajna bnejna skola ġdida. Bqajna bla tweġiba għax dik ma kinitx il-mistoqsija li staqsiet l-inkjesta. Jew aħjar, kienet tweġiba li l-inkjesta ppruvat tiskansa. Jibqa’ l-fatt li għadna ma nafux għaliex kienet inħolqot il-kumpannija.
Hemm ukoll argument ieħor fis-sens li l-istituzzjonijiet mhux qegħdin hemm biex joqogħdu jwieġbu mistoqsijiet li jistgħu jissodisfaw il-kurżità tan-nies. Iżda l-verità hi l-mistoqsija ‘min hu sid Egrant?’ tqajjem bosta mistoqsijiet li jammontaw għal allegazzjonijiet dwar twettiq ta’ reati. Din il-kumpannija kienet inħolqot flimkien mal-kumpanniji Hearnville u Tillgate u dan eżatt wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Tgħid Egrant kellha l-istess skop taż-żewġ kumpanniji l-oħra? Jiġifieri l-iskop li sidha jirċievi ħlasijiet ġejjin mit-tixħim? Irċeviet jew le ħlasijiet mill- kumpanniji ta’ Ilham Aliyev jew xi ħadd qrib tiegħu?
Dan huwa biss il-bidu. Ir-riżultat tal-inkjesta Egrant ġie analizzat minn diversi bnadi. Analiżi ewlenija nkitbet minn Godfrey Leone Ganado, u hemm din is-sensiela li ktibt jien, fuq din il-website.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-każ kollu huwa msejjes fuq numru ta’ episodji li ġraw kemm ilha li ngħalqet l-inkjesta. L-ewwel nett, Brian Tonna u Karl Cini ma jistgħux jitqiesu bħala xhieda li wieħed jista’ jorbot fuqhom u dak li xehdu fl-inkjesta għandu jerġa’ jiġi eżaminat. It-tieni, lanqas li xhieda li kienu jaħdmu ma’ Mossack Fonseca tal-Panama ma jistgħu jitwemmnu. Dak li xehdu dwaru jeħtieġ li jittieħed fil-kuntest ta’ dak li huwa magħruf dwarhom. It-tielet, l-informazzjoni li pprovdew tal-Pilatus Bank ma tistax tittieħed bħala waħda konklussiva u finali. Barra minn hekk, it-transazzjonijiet li nstabu fis-sistema bankarja li ra l-Maġistrat tal-inkjesta kienu superfiċjali u insuffiċjenti. Ir-raba’, l-Istat għandu jikkunsidra serjament li jikkopera ma’ Maria Efimova li sal-lum għadha tinsisti li għandha fil-pussess tagħha provi li jistgħu iwasslu biex l-investigaturi jistabilixxu l-fatti tal-każ. Ċertament l-awtoritajiet m’għandhomx jibqgħu jippruvaw ifittxuha u jippersegwitawha.
Mill-banda l-oħra, wieħed għandu wkoll jikkunsidra ħwejjeġ oħra. L-ewwel, l-għada li Ali Sadr inqabad ħiereġ mill-bank fis-satra tal-lejl bil-bagalji f’idejh, kien diġà tard wisq. U issa għadda ħafna aktar żmien. Mill-Pilatus Bank ftit fadal. Jeżistu ħafna anqas provi li mhumiex mimsusin. Issa li l-bank jinsab magħluq, jeżistu ħafna aktar persuni milli kien hemm meta feġġ l-iskandlu li għandhom interess li jgħattu l-verità.
It-tieni, jista’ jkun li – anki jekk il-każ jinfetaħ mill-ġdid – jidher li issa għadda wisq żmien biex jinkixfu aktar provi.
Jekk dwar il-każ Egrant ser jibqgħu jinbtu d-dubji, ser ibati l-pajjiż kollu. Tistgħu tibqgħu ċerti li Joseph Muscat ser jissokta bil-protesti tiegħu u, minflok jara kif jagħmel biex inaddaf ismu, ser jibqa’ jixli lil min qed jakkużah. U l-isem li ser jibqa’ ma jitnaddaf qatt huwa dak ta’ pajjiżna. Pajjiż li għadda minn ala widnejh li l-Prim Ministru tiegħu xxaħħam bis-saħħa ta’ bank korrott u li l-partitarji tal-partit tiegħu marru jiċċelebraw fuq l-għatba ta’ dak il-bank.
Joseph Muscat qed jagħmel l-arja u jilgħab għall-gallarija. ‘
“Bring it on”, qalilna. Għadu jaħseb li fl-aħħar mill-aħħar se tgħaddi tiegħu.
Jaf għandu żball.