This speech, in Maltese, was delivered at yesterday’s vigil by Jessica Debattista:

Daphne…… kienet artista! 

Forsi tarawha stramba din l-affermazzjoni f’dawn il-mumenti fejn kulħadd qiegħed jiffoka  fuq il-korruzzjoni li ħakmet ‘il pajjiżna. Daphne kienet artista, għall-fatt li kellha sens ta’ osservazzjoni akut, tant li kienet tqaxxru l-karattru Malti fil-kitbiet tagħha. Ma kien jaħirbilha xejn, tant li l-osservazzjonijiet tagħha kienu jurtaw għax jolqtu l-laħam il-ħaj. 

Kienet bniedma ikkulurita fil-mod kif kienet tesprimi ruħha, kemm fil-kitbiet tagħha kif ukoll  fil-mod kif kienet toħroġ il-personalita’ tagħha f’ilbiesha. 

Jiena lill-Daphne iltqajt magħha darbtejn biss: id-darbtejn li ġiet għall-Parents’ Day ta’ wieħed mit-tfal tagħha s-sixth form, fejn kont ngħallem l-Arti. Kienet impressjonatni bl-interess li wriet fis-suġġett meta l-maġġoranza tal-ġenituri Maltin qajla kienu jieħdu s-suġġett ta’ l-arti bħala suġġett importanti. 

Dak iż-żmien ftit li xejn kont ninteressa ruħi fix-xena politika. Pero’ l-affarijiet nbidlu u lejn nofs is-sena 2014 bdejt insegwi. Malta kienet saret dinja ta’ korruzzjoni, manipulazioni u abbuż ta’ poter. Illum għal kull min jaf jaħseb u jixtarr dak li jaqra u jisma’, Malta saret post fejn tibża. 

Jiena bħala artista b’karattru pjuttost ottimist li normalment nara s-sabiħ fil-ħajja, illum inħoss dieqa. Nara biss kaos u qtiegħ il-qalb. Nista’ nifhem kif Daphne kienet tħossha meta kienet tinnota kif Malta tagħna kienet qed tinħakem mill-korruzzjoni. Il-kitbiet tagħha juru l-istess weġgħa. L-impenn tagħha biex twassal din il-verita’ li kienet qed tifni lill-pajjiż tagħna li tant kienet tħobb għamlilha ħafna għedewwa. Kienet tħobb is-sabiħ u titgħaxxaq bin-natura u ma setgħetx tniżżel il-kruha ta’ kif Malta kienu qegħdin jibdluha. Ħallset qares għalih. Il-mewt tagħha tefgħet dalma fuq il-pajjiż kollu.

Ma tafx ma’ min tiftaħ qalbek illum għax tħoss li ma tista’ tafda ‘l ħadd. Qed tinħoloq ansjeta’ agħar minn dik li għaddejna minnha fit-tmeninijiet.

Ta’ xejn wieħed jirrepeti dawk l-iskandli u l-abbużi li llum saru household discussions. Ta’ xejn wieħed isemmi ‘l-persuni prominenti li huma involuti, nies li jimxu fuq kulħadd biex jimlew buthom u l-but ta dawk ta’ madwarhom. Dawn kollha nafu min huma. Dawk li ma jistħu minn xejn. Dawk li fetħu l-kontijiet barra min Malta biex fihom ipoġġu miljuni ddikjarati minn żmien qabel. Dawk li llum iħossuhom ivvendikati, għaliex qalulna li l-inkjesta ta’ Egrant, li aħna għad ma rajniex, illiberathom minn kull ħtija. 

U kif illiberathom nistaqsi?

 Jiddispjaċini, jien biex nemmen irrid nara u nifhem. Allura ta’ min hi Egrant? 

Illum iriduna nemmu — b’kampanji moqżieża — li min hu onest hu maħmuġ u li l-uniċi nies onesti u mweġġgħin huma dawk li qed imexxu ‘ilpajjiż. Jgħawġu l-fatti u jfittxu l-iscapegoats biex iwaħħlu fihom. 

Sfortunatament jien illum inħoss ruħi orfni. Ili hekk minn meta nqatlet Daphne u sirt iżjed hekk meta indunajt li anqas mill-Oppożizzjoni m’għandna kenn. 

Iż-żewġ partiti li jirrapreżentawna fil-Parlament qegħdin jersqu dejjem ktar lejn modus operandi simili u dan il-fatt ma jistax iħallina niddistingwu wieħed mill-ieħor.

Il-Kuraġġ tiegħi jiġi minn dawn il-velji ma’ nies ta’ rieda tajba bħalkom, nies li ma jinsewx u li ma jaqtgħux qalbhom. 

Il-messaġġ tagħna llejla għandu jkun li Daphne tibqa’ f’qalbna — jgħidu x’xjgħidu u jgħamlu x’jgħamlu u nfakkruhom  li aħna bkejna wkoll u l-bikja tagħna, sinċiera, hija karba għal governanza nadifa. Le għall-korruzzjoni. Le.

Daphne kienet artista! Iva, kienet artista b’missjoni! Fejn kienet tara żbilanċ u dissonanza fit-tmexxija tal-pajjiż kienet tħoss id-dmir li tiġbed l-attenzjoni lejh. Imma x-xitan ma ħamilx. Ħelsu minnha. Iva, ħelsu minnha. Imma d-diskors tagħha ma jinqered qatt. Jibqa’ jidwi u jdawwal l-imħuħ ta’ dawk ta’ rieda tajba, waqt li jibqa’ jdejjaq ‘il-qlub ta’ dawk kollha li ma jifilħux jiffaċċjaw il-verita’ f’wiċċha.

Grazzi.