My article in today’s The Sunday Times is an adaptation of my speech at Thursday’s vigil in Valletta.
Here’s the original speech in Maltese if you prefer.
Nixtieq nirringrazzja lil Daphne Caruana Galizia.
Qatt daqs illum ma kien hemm tant bżonn li t-tislima tagħna għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia ssir f’forma ta’ protesta.
Meta tlett ġimgħat ilu l-prim ministru beka quddiem in-nies, is-sinjal li ta kien għal nar mingħajr rażan. Dan kien sajf jaħraq. U dan mhux diskors fuq it-temp.
Il-missjoni tal-gvern mhix biss li jaħbi dak li ma nafux, imma li jnessina dak li nafu. Minn fuq il-gideb u l-manipulazzjoni, it-tgħajjir u l-intimidazzjoni, iridu jissaffew dawk li nqabdu b’idhom fis-sasla.
Suppost ninsew li qed jipproteġu bank li kien il-magna tal-ħasil tad-dittaturi. Ninsew li qed jipproteġu ministru li rama struttura sħiħa biex jaqla’ flus li m’hux suppost. U ninsew lil sieħbu, dak li jmexxi lill-prim ministru, li mexxa flejjes ‘l hawn u ‘l hinn bla qatt qal m’nejn ġabhom.
Suppost ninsew mitt suspett, ġustifikat u mibni fuq fatti, li l-prim ministru hu korrott. Il-maġistrat qal li mitt suspett ma jagħmlux prova. U hekk hu. Biex tibda prosekuzzjoni, il-provi jridu jkunu f’idejk, m’hux f’bagalja għal Baku, jew f’bank moħbi f’Dubai, jew f’sistema ta’ softwer manipulata minn esperti tal-ħasil tal-flus.
Imma prim ministru ma jridx joqgħod biss għal ġudizzju ta’ qorti. Irid joqgħod għal ġudizzju politiku, sakemm raġjonevoli u bbażat fuq il-fatti. Dawk huma l-fatti li issa jridu jidfnu ma’ Daphne Caruana Galizia. U magħhom irid jidfnu lil min jibqa’ jiftakarhom.
Kif qed jagħmluh dan?
L-ewwel billi ffomentaw patriottiżmu falz fejn kritika lill-prim ministru saret tradiment. U nafu x’inhu l-kastig li jixraq lit-tradituri.
Mhux biż-żejjed jipproġettaw il-gideb tagħhom fuq ħaddieħor. Mhux biż-żejjed jheddu bl-arrest arbitrarju u l-ħabs għal min ma qgħadx kwiet. Minn hemm jagħmlu rabtiet bi ħbula immaġinarji: joħolqu konfoffa u jixluha li riedet tiddestabilizza ‘l-pajjiż u ‘l-gvern tiegħu.
Huma jistgħu jixlu bl-addoċċ, jigdbu u jweħħlu f’min iridu. Se jarresta xi ħadd issa lill-prim ministru għax qal li Maria Efimova kienet spjun ta’ Vladimir Putin u l-pulizija ma sabet xejn? Kulħadd se jaħfer lil Joseph Muscat li f’nofs kampanja elettorali ivvinta minn żniedu indħil mir-Russja li ma kienx jeżisti? X’konfoffa akbar jista’ jkun hemm minn prim ministru li jgħid li gvern barrani ieħor indaħal biex ineħħih?
Dawn huma l-metodi ta’ faxxisti li mhux kuntenti bil-fiduċja tal-maġġoranza li xi darba jew oħra jaf jerġa’ jibdielha. Iridu li ma jibqa’ ħadd li jeqfilhom. Kulħadd irid jagħżel bejn l-ubbidjenza jew is-silenzju.
Araw ftit id-diskors li aħna kkonfrontati bih kuljum. Joseph hu l-king. Jekk ma jogħġbokx, itlaq.
Xi ħadd irid iffakkar lil dawn in-nies: ‘Malta tagħna wkoll!’
Il-metodi tal-faxxiżmu huma l-metodi tal-kriminalita’ organizzata: it-tnejn jitgħallmu minn xulxin. Qed nesperjenzaw piovra — qarnita li firrxet subgħajha u ħonqot fi trufhom kull min seta’ jħares anke ftit bl-ikrah lejn ir-ras f’Kastilja.
Niftakru meta esponent tal-Partit Laburista qal li biex jagħmel li jaqbillu fittex u sab ‘pulizija Laburist’. Issa ggradwajna. Issa l-pulizija jistgħu jfittxu maġistrat Laburist biex joħorġu mandati t’arrest arbitrarji. Issa l-politiċi jfittxu mħallef Laburist biex iħassar ordni ta’ qorti lill-pulizija biex jinvestigawhom.
Meta l-aħħar ħitan ta’ kenn li kellna jibdew jiġġarrfu, meta l-ġurnalista li kienet issib il-konsenturi fihom tinqatel, meta maġġoranza kbira tgħidilna nitilqu għax jekk nibqgħu nħallsu qares, ma tiskantax li ħafna nies jidħlu f’qoxrithom. Dik biss baqgħalhom.
Imma jekk il-Maġistratura u l-Ġudikatura tagħmel xogħolha, jekk l-istampa tibqa’ mqajjma, jekk iċ-Ċivil jiftakar x’inhu xogħolu …
Jekk l-Oppożizzjoni tistenbaħ u tifhem li m’hi xejn jekk ma topponix …
Ebda qarnita m’hi b’saħħitha biż-żejjed biex tgħaffeġ nies li taf jeddijietha u li ssib saħħa fil-verita’ u fis-sewwa.
U aħna wkoll li m’għandniex sehem akbar minn din ir-repubblika ħlief li rridu ngħixu fiha: aħna wkoll għandna d-dmir li ma niqbgħux nistennew lil xi partit isalvana mill-ħakma tal-ieħor. Is-soċjeta’ ċivili trid tagħraf lilha nfisha u tirrikonoxxi mhux biss id-drittijiet li għandha mittiefsa u mgħaffġa, imma wkoll id-dmir li ma tiskotx u ma tħallix ‘l min jirkeb fuqha.
Huma ħafna aktar mill-ftit li qegħdin hawn li jaħsbuha bħalna. Minn Daphne Caruana Galizia nieħdu l-ispirazzjoni tal-ġlieda għas-sewwa. Minn xulxin nieħdu l-kuraġġ: il-ftit għad isiru ħafna u l-gideb għad jinqabad u jkollu jċedi postu għall-verita’.
Lil Joseph Muscat allura nfakkruh ma jgħoddx in-nies li hawn illum: jgħodd minflok li l-Maltin ukoll għandhom għal qalbhom il-ġustizzja u llum jew għada l-għatx għall-ġustizzja għad jinqata’.
Sa dakinhar se jsibna hawn.