This is the speech delivered by Ranier Fsadni at Thursday’s Valletta vigil.
Jien aċċettajt li niġi nkellimkom illum għaliex xbajt nisma’ lil min qatt ma rifes hawn jispjega għala jien u intom niġu ninġabru hawnhekk.
Xbajt nisma’ li jien iżolat. Xbajt nisma’ li jien indannat, li ma niflaħx nara lil pajjiżi jgawdi l-aqwa żmien, li ma nistax u ma naħmilx nara s-suċċess ta’ ħaddiehor.
U xbajt nisma’ li jien tant ma nafx x’se naqbad nagħmel bija nnifsi li ddeċidejt nidħol f’kult u nagħti qima ‘l Daphne u nqisha qaddisa.
Mela mhux kulħadd jaf li biex issir qaddisa hemm bżonn ta’ żewg mirakli? U lanqas il-miraklu tal-ġustizzja għadna ma rajna, aħseb u ara l-miraklu ta’ xi ħadd li jieħu r-responsabbiltà!
Le, Daphne mhix qaddisa. Daphne qiegħda fil-purgatorju ta’ din l-art, tistenna li toħroġ il-verità, tistenna li l-istat li kienet parti minnu, iqisha bħala tiegħu wkoll—u jirrispettalha d-drittijiet.
Il-qaddisin niċċelebrawlhom ħajjithom. Iżda aħna qegħdin hawn biex niftakru kif mietet Daphne; anzi, li mietet Daphne—għax li kieku kien għal xi wħud, ninsew anki dak.
Qegħdin hawn għaliex nafu li kull mewta—ta’ kwalunkwe bniedem, miet kif miet—titfa’ lenti fuq is-soċjetà li miet fiha. Il-mewta ta’ Daphne titfa’ lenti fuq mhux diżastru wiehed izda żewg diżastri fil-pajjiż tagħna.
M’inix qed nirreferi għat-traġedja personali li ġarrbu l-familja tagħha, qrabatha u ħbiebha. Qed nirreferi ghal diżastri istituzzjonali.
L-ewwel, kellek il-kobba mħabbla ta’ l-indifferenza, tal-malizja, ta’ l-irresponsabbiltà ta’ min skarta dmiru, li bejniethom aġevolaw iċ-ċirkostanzi sabiex inħoloq ambjent fejn min ried jeħles minnha seta’ jeħles minnha u jittama li jeħlisha ħafif.
It-tieni, hemm id-diżastru li seħħ wara l-bomba u li m’għandux jitħallat ma’ l-ewwel wieħed.
Dan it-tieni diżastru ma jiddependi minn ebda teorija ta’ min seta’ kien il-mandant. Ma jiddependi fuq ebda spekulazzjoni. Anzi, nistgħu anki ngħidu, għall-argument, li l-mandant hu xi ħadd li l-anqas biss għadna bdejna nissuspettaw fih—u xorta jkollna nagħrfu li dak li ġara wara huwa skandlu kbir li juri tmermir istituzzjonali.
Għaliex dak hu li jispjega kif jista’ jkollok kampanja orkestrata biex il-vittma titpinġa ta’ l-aggressur. Biex tidher hi l-ħatja.
U biex iseħħ dan, hemm bżonn il-kompliċità ta’ min hu setgħan fl-istituzzjonijiet. Hemm bżonn il-prepotenza. Hemm bżonn il-kollużjoni ta’ xi uffiċjali li jokkupaw xi wħud mill-karigi l-iktar importanti fl-istat taghna. Hemm bżonn il-kollużjoni ta’ min suppost jirrappreżentana fil-Parlament.
Għaliex biex tħalli għaddejja din il-kampanja trid tkun jew m’għandek ebda sens tal-gravità tas-sitwazzjoni, tant li l-affarijiet tħallihom għaddejjin bħallikieku m’huma xejn jew taf imma tant int ċiniku spjetat li tħalli l-affarijiet għaddejjin hekk sabiex tilħaq l-iskopijiet tieghek jew l-agħar, addirittura tant sirt prepotenti li ma tistrieħx bil-qtil ta’ Daphne biss u trid li jisktu nies oħra.
Huma x’inhuma l-ispjegazzjonijiet, anki jekk ħallejt xi wħud minnhom barra, huma kollha spjegazzjonijiet li għandhom jagħtu sens kbir ta’ delużjoni lil kull min irid igħix f’pajjiz serju.
Daqstant ieħor għandha tkun kbira d-delużjoni tagħna li hemm nies, li jokkupaw l-ogħla karigi fl-istat tagħna, li jippreferu li jidhru rġiel bla sinsla milli jaqdu dmirijiethom skond il-ġurament li ħadu.
U, naturalment, hi anki delużjoni li xi wħud minn sħabna stess, kif ukoll is-soċjetà in ġenerali, jew iħossuhom indifferenti—mhux għall-qtil, imma għal dak li ġara wara—jew ma jistgħux jaraw u jifhmu li jekk jinkissru d-drittijiet ta’ wieħed jew waħda minna biss, mela m’hemm ebda garanzija għad-drittijiet tagħna. Aħna qegħdin hawn illum biex inħarsu d-drittijiet tagħna u ta’ kulħadd.
F’din is-sitwazzjoni, sirna tassew pajjiż ta’ l-għeġubijiet. Jgħidu li tkun taf li l-Messija qiegħed fostna għaliex l-għomja jibdew jaraw, it-torox jinfetħulhom widnejhom u l-muti jinħall ilsienhom. Ahna fostna qed isiru dawn l-għeġubijiet kollha—imma bir-rivers.
Min għandu għajnejh f’wiċċu qed jagħżel li ma jarax.
Min jista’ jisma’ qed isodd widnejh.
Min suppost jitkellem, qed jimmuta.
Mirakli bir-rivers! Qed insejħilhom mirakli. Iżda huma superstizzjonijiet.
Għaliex hi superstizzjoni li taħseb li tista’ tagħlaq għajnejk u allura l-affarijiet li qed jiġru ma jkomplux iseħħu. Hija superstizzjoni tat-tfal.
Hi superstizzjoni li taħseb li ma jiġrilek xejn jekk ma timxix taħt is-sellum, jew jekk taqsam it-triq biex ma tidhirx magħna. Għaliex il-ħsara diġà qed issirlek jekk qed taħseb hekk. Jekk tibża’ mill-ħsibijiet tiegħek stess, jekk tibża’ taqsam ħsibijietek ma’ ħbiebek—li ma jmorrux igħidu xi kelma żejda fejn mhux suppost—mela l-ħsara saritlek diġà.
Din hi s-sitwazzjoni. U għalhekk qiegħed hawn illum. U għalhekk nixtieq nikkonkludi bi tliet riflessjonijiet dwar tliet mistoqsijiet li faċli li jagħmlulna.
L-ewwel mistoqsija tista’ tqum bejnna u bejn ruħna: U jekk jien inkun ittantat li nidħol f’qoxorti, li nagħżel it-triq faċli, li nagħżel il-kumdità, x’għandi nħoss?
Naħseb li għandna nħossuna grati li nistgħu nifluh u nifhmuh dan is-sentiment. Tajjeb li aħna ma nċedux ghal din it-tentazzjoni, imma rridu nagħrfu li hafna nies ċedew, xi wħud minnhom sħabna. U qabel ma tipperswadi, trid tifhem. Ma tissuppervjax. Trid tifhimhom biex tipperswadihom. U kulħadd għandu r-raġunijiet tiegħu li jistħoqqilhom li nagħtu kashom.
It-tieni riflessjoni hija dwar mistoqsija li jistgħu jagħmlulna jew ċanfira li jagħtuna. Għax intom iżolati. X’għandha tkun ir-risposta tagħna?
Le! Iżolat min jidħol f’qoxortu. Iżolat min jibża’ li jitniffes.
Għax jista’ jkun jagħmel parti minn massa kbira, imma hija massa ta’ individwi f’qoxrithom, frammentati, u allura ħafna iktar faċilment dominati, bil-libertajiet tagħhom jitnaqqru.
Aħna m’aħniex iżolati. Għaliex fil-qofol tal-protesti tagħna hemm valuri li jemmnu fihom miljuni ta’ nies. Huma valuri mnaqqxin fil-Kostituzzjoni, il-pulmun tar-repubblika tagħna. U allura l-vuċi tagħna ġejja mill-pulmun ta’ pajjiżna.
It-tielet mistoqsija li jistgħu jagħmlulna, jew iċ-ċanfira li jippruvaw iċappsulna, hi li aħna ma nħobbux lill-pajjiż jew li ma nemmnux fih.
Ma jemminx fil-pajjiż min jaħseb li n-nies jimpurtahom biss minn buthom. Għax jaħseb li l-pajjiż jista’ jinxtara.
Aħna qegħdin hawn għax nemmnu li meta tipproteġi id-drittijiet ta’ xi ħadd tkun qed tipproteġi d-drittijiet ta’ kulħadd. Aħna qegħdin hawn għaliex nemmnu fis-solidarjetà.
U m’hemm ebda mod aħjar kif turi li temmen f’pajjiżek, u li tħobb ‘il pajjizek, milli temmen fis-solidarjetà u titkellem f’isimha. Li tinsisti fuq demokrazija vera—għaliex temmen li jekk in-nies ikollhom ċans jifhmu u jiflu l-verità jaslu, bil-persważjoni, għal konklużjoni veritiera.
Għalhekk jien ġejt illum. Għalhekk nirringrazzjakom talli ġejtu. Grazzi.