Is-sitwazzjoni li jinsab fiha il-pajjiż bħalissa hi waħda ta’ tħassib kbir.

Keith Schembri għadu jiġri barra minkejja li għawweġ il-fatti minn fuq il-pedina tax-xhieda. Ħadd ma emmnu ħlief, milli jidher, il-korp kollu tal-pulizija. L-iskużi li ġab kienu mill-aktar banali. ‘Kont qed naqra’ u ma kontx naf li kelli nitla’ l-qorti’. ‘Tlift il-mobile’. ‘Huwa minnu li kellimt lil Yorgen Fenech għal madwar nofs siegħa lejliet dakinhar li huwa ġie arrestat iżda jien għidtlu biex ma jaħrabx’.

Hemm tliet xhieda li ma jaqblux mal-verżjoni tiegħu ta’ dak li seħħ: it-tabib tiegħu, ħabib antik tiegħu li jqisu bħala “ħuħ” u xhud li ngħata l-proklama mill-imgħallem tiegħu biex ikun jista’ jixhed fil-qorti.

Li kieku ħaddieħor ġab ruħu bħalma ġab ruħu Keith Schembri, l-pulizija ilha li mexxiet kontrih. Dawn ma mexxewx kontrih mhux għax għandhom xi grazzja miegħu jew għax għandhom xi dejn miegħu. Il-fatt jibqa’ li l-pulizija baqgħet iżżomm lura u dan hu tassew ta’ tħassib kbir.

Joseph Muscat jibqa’ jgħid li r-rapport tal-inkjesta Egrant li għadu kif xandar Adrian Delia jagħti raġun lill-verżjoni tiegħu. Il-fatti juru li dan m’hu minnu xejn. Għall-kuntrarju, skoprejna li kien hemm mill-inqas skandlu ieħor fl-uffiċċju tiegħu li ma konniex nafu bih u li nżamm mistur minn Joseph Muscat.

Minnu nnifsu huwa att ta’ sfida u ta’ arroganza l-fatt li Joseph Muscat baqa’ mwaħħal mas-siġġu tal-poter. Għadu ma lissinx kelma dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet b’vot qawwi b’talba għar-riżenja mmedjata tiegħu. L-unika reazzjoni uffiċjali waslet mingħand is-suċċessur aspiranti Robert Abela li wera’ li jiġi jaqa’ u jqum mill-fehma kważi unanima Ewropea meta stqarr li, jekk jirbaħ it-tellieqa u jsir prim ministru, kien bi ħsiebu li jfittex li jieħu l-parir ta’ Joseph Muscat kuljum.

B’xorti ħażina, bis-saħħa tal-propaganda fina ta’ One TV tal-Partit Laburista, l-opinjoni pubblika Maltija qed tkompli tinqasam b’ritmu mgħaġġel skond it-tribù. Il-pajjiż bħal donnu qed jaċċetta li m’hemm xejn ħażin li jkollok prim ministru li jibqa’ f’postu minkejja l-fatt li l-persuna li kienet l-aktar qrib tiegħu – persuna li huwa taha l-kenn għal 3 snin sħaħ –  tinsab implikata fi qtil. Eżatt bħall-antenati tagħna li kienu assumew li gidma velenuża ta’ serp fuq ġisem priġunier li jkun salva mill-għarqa tikkonferma l-qawl li jgħid li kulħadd jieħu dak li jkun ħaqqu, bosta huma dawk li issa qed jassumu li  ġaladarba Joseph Muscat ma ġiex imġiegħel iwarrab, dan ifisser li ma kellux għalfejn iwarrab.

Il-gvern Laburista issa qed iħejji biex juri snienu ma’ dawk li qed jipprotestaw, mal-attivisti u mal-ġurnalisti bil-għan li jwaħħal fihom jekk l-ekonomija tieħu daqqa ‘l isfel. Kull min jaħdem fil-qasam bankarju u dak tas-servizzi finanzjarji jaf l-ekonomija diġà bdiet tħoss l-effetti negattivi. Il-gvern – li mhux ser jinbidel wisq ħlief għall-bidla fl-isem tal-prim ministru – dan jafu. U l-gvern mhux bi ħsiebu jerfa’ r-responsabbiltà għad-diżastru ekonomiku li mistenni li jkun hawn fil-pajjiż.

Il-gvern ser ikun lest biex igħid li kienu dawk li pprotestaw fit-toroq bil-kartelluni f’idejhom bil-kliem ‘Mafia State’ li lill-pajjiż tawħ isem ħażin u li dawn kienu motivati mir-rieda qawwija li jwaqqgħu lill-gvern Laburista u biex minfloku jtellgħu gvern tal-PN.

Is-sena 2019 hi s-sena li fiha Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu u se jwassal għal tmiemha karriera ta’ 6 snin bħala prim ministru. Il-konsegwenzi tat-tmexxija kriminali tal-gvern tiegħu ser nibdew inħossuhom fl-2020 u l-partit li wikkiena bih mhux bi ħsiebu jaċċetta r-responsabbiltà għal dawn il-konsegwenzi .