Demokrazija. Libertà.

Żewġ kelmiet differenti li ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Xi tfisser id-demokrazija? Xi fisser il-libertà?

Hawn min jaħseb li biżżejjed li poplu jmur jivvota darba kull 5 snin biex pajjiżu jkun jista’ jiġi kwalifikat bħala wieħed demokratiku u ħieles. Naħseb li lkoll taqblu miegħi li dawn il-kliem ifissru wisq iżjed minn hekk.

Fost oħrajn, ifissru kontabilità u trasparenza minn dawk li għal żmien qasir tiġi fdata s-setgħa f’idejhom; jfissru t-twettiq tal-ġustizzja minn qrati imparzjali u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna; jfissru wkoll libertà sħiħa tal-kelma, tal-istampa u tax-xandir. 

Id-demokrazija u l-libertà pajjiż ma jakkwistahomx kif ġieb u leħaq u rridu nkunu aħna li noqgħodu dejjem b’seba’ għajnejn biex inħarsuhom u niddefenduhom. Madankollu, kif tgħallimna l-istorja, malli poplu jibda’ jieħu d-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżu for granted jista’ ifeġġ il-periklu li dawn jibdew jitnaqqru u saħansitra jintilfu għal kollox mal-medda taż-żmien.

Forsi għal uħud minnkom il-ġrajjiet ta’ għajb li għadda minnhom il-poplu Malti fis-snin 70 u fil-bidu tas-snin 80 m’għadhomx daqstant rilevanti. Dak iż-żmien fil-pajjiż kellna biss demokrazija finta bl-istituzzjonijiet tal-pajjiż maħkuma minn reġim li ma kien jittollera ebda dissens.

Reġim li lill-oppożizzjoni ta’ dakinhar kien jittrattaha b’disprezz liema bħalu.

Reġim li taħtu jekk kont toħroġ tipprotesta u tiddimostra f’ċerti nħawi ta’ Malta kont tirriskja li tiġi msawwat u, f’każ wieħed, saħansitra b’ħajtek maħsuda.

Reġim li taħtu l-ġustizzja kienet waħda selettiva b’impunità sħiħa għal uħud li ma kien jista’ għalihom ħadd.

Reġim li taħtu min ma kellux is-setgħa kien ċittadin tat-tieni klassi.

Reġim li taħtu l-korruzzjoni infirxet u saret istituzzjoni.

Kien tabilhaqq żmien mill-aktar diffiċli għad-demokrazija u l-liberta’. Biżżejjed wieħed isemmi li ftit aktar minn 20 sena ilu f’artiklu li kien kiteb f’ġurnal lokali, żagħżugħ li kien attiv fil-Partit Laburista kien tkaża bl-istat imwiegħer li kien wassal fih lill-Malta l-partit tiegħu. Fost affarijiet oħra, dan kien kiteb li t-tattiċi, l-istil u l-persuni li l-Partit Laburista kien għamel użu minnhom fl-imgħoddi kienu għamluh wieħed mill-aktar partiti moralment, fiżikament u ideoloġikament korrotti li qatt kellu pajjiżna.

Iż-żagħżugħ li kien kiteb dan il-kliem jismu Joseph Muscat, illum Prim Ministru ta’ Malta.

Joseph Muscat. L-istess bniedem li tant kien tkaża bil-ħerba li wettaq il-partit tiegħu meta kien fil-ħakma, fi żminijietna qed narawħ jaqa’ fil-każa. L-istorja kellna narawha tirrepeti ruħħa quddiem għajnejna. Għaliex il-partit immexxi minn dan il-bniedem – il-werriet tar-reġim tas-snin 70 u 80 – qed jippresiedi fuq sensiela ta’ ħnizrijiet li konna ilna ma naraw bħalhom. Minkejja li kien tkaża bil-korruzzjoni, minkejja li kien tkaża bl-impunità, minkejja li kien tkaża bil-bażużliżmu u l-preferenzi bejn ċittadin u ieħor, minkejja li kien tkaża bil-bejgħ bir-ribass ta’ artijiet pubbliċi u minkejja li kien tkaża bil-ħakma kwazi totali fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, għoxrin sena wara l-Prim Ministru Joseph Muscat wera li ma tgħallem xejn u jinsab miexi fuq il-passi ta’ dawk ta’ qablu.                 

Mhux hekk biss, iżda qed jippresjiedi fuq attakk sfrenat kontra l-kelma ħielsa. Attakk li leħaq il-qofol tiegħu ħmistax il-xahar ilu bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.   

Illum nażżarda ngħid li s-sitwazzjoni hi agħar minn dik li kellna fis-snin 70 u fis-snin 80. Dak iż-żmien konna xxurtjati li kellna l-gwida ta’ mexxejja kuraġġjużi, mexxejja integri u – fuq kollox – mexxejja eżemplari li mhux biss emmnu fil-valur tas-sewwa iżda għexuh ukoll. Kien bis-saħħa ta’ dawn il-mexxejja, magħqudin ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, li salvajna d-demokrazija u erġajna ksibna l-libertà wara taqtiegħa mill-aktar ħarxa.

Kien bis-saħħa ta’ din l-għaqda li kien rebaħ is-sewwa u Malta reġgħet bdiet tieħu n-nifs.

B’dispjaċir ninnota l-gwida li kellna fl-imgħoddi llum għebet kważi għal kollox. Ċerti elementi fost it-tmexxija tal-oppożizzjoni uffiċjali f’pajjiżna bħal donnu qatgħu qalbhom mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Bħal donnu qatgħu qalbhom mill-ġlieda favur il-libertà tal-kelma. Għal dawn l-elementi jidher li dawn il-ġlidiet m’għadhomx priorità.

Għalhekk sta għalina – attivisti fi ħdan is-soċjetà ċivili – li nibqgħu intambru, nibqgħu insusu, nibqgħu ninsistu, nibqgħu nissieltu, nibqgħu insemmgħu leħinna sabiex dak li akkwistajna b’tant tbatija fl-imgħoddi ma nitilfuħx minħabba l-indifferenza.

U wkoll sabiex id-demm li xtered fil-Bidnija ħmistax il-xahar ilu ma jkunx xtered ta’ xejn.         

Illum reġa’ għandna ma’ wiċċna sfida oħra li, jekk irridu ngħaddu f’idejn uliedna pajjiż tassew demokratiku u ħieles, jeħtieġ li niffaċċjawha. Kien hemm min forsi ħaseb li b’Malta membru tal-Unjoni Ewropea, issa m’għandniex għalfejn noqgħodu ninkwitaw aktar dwar l-istat tal-libertà f’pajjiżna. Il-fatti qed juru li dan ċertament m’huwiex il-każ u bosta huma dawk li qed jintebħu li rridu nkunu aħna – ċittadini Maltin li nħobbu lil pajjiżna – li nassiguraw li din l-isfida tingħeleb.   

Fiċ-ċirkostanzi, nafu dmirna x’inhu u dan id-dmir determinati li nwettquh.

Xi kultant ikun hawn min jipprova jaqbad ma’ xi wieħed jew ma’ xi waħda minna. Tħalluhomx jaqtgħulkom qalbkom.

Lil dawn ngħidluhom:

ara ma tmorrux taħsbu li se ssiktuna;

ara ma tmorrux taħsbu li se tbeżżgħuna;

ara ma tmorrux taħsbu li se twerwruna;

M’hu bi ħsibna mmorru mkien. Serrħu raskom li għal kull vittma li tiġi taħt idejkom, għal kull vittma li tippruvaw tippersegwitaw, se ssibu mijiet oħra bil-wieqfa hawn quddiem dan il-monument li jfakkar il-kuraġġ u tad-determinazzjoni ta’ missierijietna, lesti biex iservu ta’ tarka favur id-difiża tal-libertà u tad-demokrazija .