Photos by Jon Borg:
This is my speech from yesterday:
Sena ilu kont qed niċċekkja x’hemm ġdid fuq il-blog ta’ Daphne kull ftit minuti. F’ħin minnhom wieġbet mistoqsija b’risposta li kien ilna nobsru. Qalet li l-Egrant kienet ta’ Michelle Muscat u l-provi qegħdin Pilatus Bank.
Fit-8 ta’ fil-għaxija kont qed nara lill-prim ministru. Qal li kienet gidba. Qal li kien se jiftaħ il-libelli. U qal li ma kienx hemm x’tinvestiga. Ftit wara tfaċċa Lawrence Cutajar, imgermed u jgħorok żaqqu. Ma sema’ xejn li kellu jinterrompih minn ikla fniek.
Imbagħad rajt lil Ali Sadr jiġri bil-bagalji f’nofs ta’ lejl Ta’ Xbiex. Ftit wara tar ajruplan vojt fi triqtu lejn Baku, imbagħad għad-Dubai.
Wara l-prim ministru reġa’ sejjaħ lill-istampa. ‘Isma’ reġa’ bdieli. Nagħmlu inkjesta. It-terms of reference niddeċidihom jien. U tibda għada fil-għodu’.
X’24 siegħa dawk!
…
Sitt xhur ilu kont qed niċċekkja x’hemm ġdid fuq il-blog ta’ Daphne. Kitbet fuq Keith Schembri. Dak li qas nafu x’ħoss għandu leħnu imma dellu jdallam kull fejn nirfsu. Qalet li qal li m’hux ħalliel. U qalet għalfejn hu ħalliel.
U qalet li l-ħallelin qegħdin kull fejn iddawwar wiċċek. Imbagħad ma qalet xejn aktar.
…
F’nofs din is-sena bejnna llum u dak inhar li sirna nafu fuq x’kien qed jaħbi għall-prim ministru Pilatus Bank, inqatlet il-ġurnalista li kixfitu.
Ittajjret b’bomba qawwija biż-żejjed biex tipprova ssikket lil min jaf x’għad irid jinkixef; qawwija biż-żejjed biex trażżan lil min irid ikompli fuq dak li bdiet hi; qawwija biż-żejjed biex instemgħet mal-kantunieri kollha tad-dinja.
Wara l-biża u s-sogħoba u r-rabja, ġew il-mistħija. Aħna kburin li aħna Maltin. Kburin bl-indipendenza li writna u bid-demokrazija li bnejna. Kburin bil-ġid li ħloqna u bir-reputazzjoni li ksibna.
Aħna ma nistħux li aħna Maltin. Aħna nistħu li dan il-pajjiż li nħobbu, inħakem mill-korrotti u mill-qattiela. Aħna nistħu għax dik il-bomba qawwijja waqqfet lid-dinja biex tisma’ x’kien qed jiġri f’Malta. U flok il-pajjiż ħanin u ġust u demokratiku li bnejna sabu maqjel ta’ korruzzjoni u ta’ vjolenza bil-fomm u bl-egħmil.
U minfuq ħadna t-tort aħna. Weħilna aħna għall-mistħija li ġabu huma fuq pajjiżna. Irraġunaw li għanda nagħmlu bħat-tfal u bħan-nagħma: ngħattu għajnejna biex ma jarana ħadd.
Għax għidna fejn ma kienx sew, għajjruna, heddewna u sikktuna. Dejjem lesta ir-risposta. “Erbgħin elf ħi! Jekk ma jogħġbokx itlaq. Jekk se toqgħod iskot għax Joseph tagħna għandu erbgħin elf”. Skużi. Joseph Muscat mhux erbgħin elf għandu. Għandu erba’ mitt elf. Hu responsabbli għalina kollha. Jekk inkunu erbgħa hawn; jew erbgħin; jew erba’ mija; jew erbat elef: Joseph Muscat Prim Ministru tagħna wkoll. U jekk iħammar wiċċ xi ħadd b’egħmilu u bi kliemu, iħammar wiċċna wkoll.
Allura għajtu “erbgħin elf” kemm tridu. Dan pajjiżna wkoll u xbajna narawkom iżżebilħuh; xbajna narawkom iġġiegħluna nistħu mad-dinja. Ma nistgħux inħallukom tniżżluna magħkom.
Jien nifhem lill-professjonisti Maltin: lill-avukati, lill-kontabbli, lill-ekonomisti, lill-bankiera, u lill-intermedjarji. Jien naf li kollha tapprezzaw li l-professjoni tagħkom m’hix xi jedd għall-prosperità personali, imma vokazzjoni li titwettaq b’responsabbiltà u b’lealtà lill-kommunità sħiħa qabel il-lealtà lill-klient, aħseb u ara l-lealtà lejk innifsek.
Nifhem ukoll il-pressjonijiet fuqkom. Li biex tibqa’ b’sehem mill-ekonomija ta’ Malta kif inħakmet illum, trid takkomoda l-kompromessi etiċi li l-ħniżrijiet li tara jġiegħluk tagħmel.
Ma tistax iċċedi. Ma tistax tagħlaq għajnejk għall-qerq u l-ħażen li taf bih għax il-klient li qed iwettqu ħallsek biex jafdak. Ma tistax tabbanduna l-virtù ogħla tas-sewwa u tal-ħarsien tal-ġid komuni.
Jien nifhem lill-ġurnalisti Maltin. Kważi kollha jemmnu bl-akbar ġenwinità li l-għarbiel tas-sewwa m’għandux ikun x’jaqbel lil min jisimgħu. Li l-gvern m’għandux jindaħal fl-aħbarijiet anke jekk il-kont tax-xandir tagħhom qed iħallsu hu. Li l-partiti politiċi għandhom funzjoni fis-soċjetà tagħna iżda din m’hix il-funzjoni li jeżaminaw b’mod kritiku dak li jagħmlu huma stess.
Naf li anke l-ġurnalisti impjegati tal-istat u tal-partiti fil-fond ta’ qalbhom dan jemmnuh. Iżda l-pressjonijiet imposti mill-gvern – it-theddid, l-intimidazzjoni, il-manipulazzjoni tar-riklami, il-kontroll tal-flus – jinħassu irreżistibbli.
Ma tistax iċċedi. Ma tistax issir kompliċi tal-gidba.
Jien nifhem lill-funzjonarji pubbliċi. Nifhem lil dawk li jaħdmu fis-servizz pubbliku b’lealtà lejn il-Maltin kollha indipendentement minn min hu l-partit li jaħkimhom. Nifhem lil dawk li b’kuraġġ jagħtu l-ħaqq anke fejn il-ħaqq sa jħammar wiċċ lill-gvern u lil min imexxih.
Nifhem l-inġustizzji istituzzjonalizzati mibnija biex jeskludu kull min għandu l-kuraġġ jgħid ‘le’. Nifhem il-biża ta’ min irid karriera u mhux li jinqabeż u jitwarrab għax jirrifjuta li jgħatti l-qerq u l-korruzzjoni.
Ma tistax iċċedi. Ma tistax titlef il-valur tas-sewwa minkejja l-konsegwenzi.
Jien nifhem lill-Maltin: lil-Laburisti u lin-Nazzjonalisti; lill-ħodor u lill-oranġjo; lil dawk li m’għandhomx partit u lil dawk li m’għandhomx politika. Fil-fond ta’ qalbhom kollha hemm imħabba għal Malta; hemm ir-rieda li ma nidrux ta’ qattani mal-barranin; li jkollna biex nitkessħu meta ngħidu li aħna minn hawn.
Ma nlum lil ħadd li jibqa’ sieket. Dawn iridu jsikktu lill-Arċisqof! Dawn għadhom jgħajjru saħħara lil ġurnalista li ilha mejta sitt xhur. X’ma tibżax li jaqbdu miegħek. X’ma tibżax mill-konsegwenzi jekk titniffes, jekk tiġi hawn tixgħel xemgħa; jekk tieqaf quddiem il-prim ministru u tgħidlu jieqaf.
Ma tistax iċċedi. Ma tistax tħalli l-biża taħkmek. Ma tistax tħalli l-konsegwenzi jżommulek dirgħajk milli jaħdmu għas-sewwa.
Ma tistax tħallihom ibeżżgħuk għax il-pajjiż ta’ l-erbgħin elf. Il-pajjiż tal-erba’ mitt elf u int tiswa daqs ħaddieħor.
…
Kulħadd tniggżu l-kuxjenza. Mhux veru li min m’hux hawn ma jagħtix kas x’inhu jiġri f’Malta. Kulħadd jagħti kas li ismu jitħammeġ. Kulħadd jagħti kas li Malta qed tweġġgħa.
Imma hemm min ma jridx jisma’ l-kuxjenza. Nifhem li min irid issiket lill-Arċisċof, qed jagħmel hekk għax ma jridx kuxjena tniggżu u twissih bil-konsegwenza li tinjora dak li taf li hu sew.
Nifhem li min iqabbad lill-pulizija jiġri wara l-attivisti li jwaħħlu banners li jikkritikawh, ma jridx iħalli min ifakkru fejn naqas.
Nifhem li min irid isikket lix-xhieda u jheddidhom bil-ħabs, jagħmel hekk għax qed jibża mis-siegħa tal-ħaqq.
Jekk m’intix wieħed li qrajt kull ma kitbet Daphne Caruana Galizia; jew jekk m’intix wieħed li qbilt ma’ kull ma kitbet xorta tifhem li min qatilha, għamel hekk għax ma riedx li s-sewwa jkun magħruf.
Qed naraw il-biża, ir-rabja, il-ħdura u l-mibgħeda: l-emozzjoni ta’ min għandu demmu taħt il-blata.
Quddiem dawn leħħinna jkunu r-raġuni, il-kalma, ir-razzjonalità u l-mogħdrija.
Dawn l-għodda tagħna. B’dawn irridu nkellmu lill-bqija tal-komunità li nsejjħu darna.
Joseph Muscat isejjaħ għall-għaqda. U m’hemm xejn isbaħ mill-għaqda. L-għaqda għas-sewwa, l-għaqda għall-ġustizzja; l-għaqda għall-indafa fil-politika u fil-ħajja pubblika.
Għandna missjoni għalhekk ferm itwal, ferm egħbes, u ferm aktar importanti mit-tifkira xierqa ta’ eroj li mietet taħdem għall-verità.
Għandna l-missjoni nfakkru għalfejn soċjetà li tgħix fuq gidba hi mitlufa u l-illużjoni tal-ġid tal-lum se tinbidel f’għawġ għada. Għandna l-missjoni ntennu li mingħajr il-verità magħna nfusna m’aħniex ser nirbħu lura r-rispett tad-dinja li tilfna. Għandha l-missjoni ninsistu li mingħajr ir-rispett tad-dinja se jbatu wliedna.
Għandna l-missjoni naraw:
- li f’pajjiżna tintradd il-ġustizzja.
- li l-poter f’Malta jkun misluf u mhux maħtuf.
- li l-ħelsien mhux biss il-jedd li tonfoq u tixxala, imma l-jedd li taħseb u titkellem.
- li l-gvern hu qaddej li jaħdem b’trasparenza.
- li kulħadd irid jagħti kont t’egħmilu u li l-korruzzjoni ma tqassarx it-triq għall-ġid imma tiftaħ triq għall-ħsara.
Ilkoll għandna l-missjoni nsarrfu r-rabja ġustifikata tagħna f’tama għal pajjiż aħjar. Li nkunu aħna li nibdlu l-pika infantili ta’ min irid ikisser u jgħajjar fi djalogu nazzjonali fejn il-ħsieb jiġi qabel l-egħmil.
Ilkoll għandna l-missjoni ndawwru l-iskandli li minnhom tant kellna, f’bidla: mhux biss bidla ta’ gvern. Bidla ta’ kultura. Bidla tal-mod kif infittxu li nagħmlu l-qliegħ. Bidla fit-tiftix tal-verità u r-rappurtaġġ tagħha. Bidla fl-impenn li nkunu kritiċi u li nifhmu għalfejn issir il-kritika. Bidla fil-lealtà lejn kostituzzjoni li tispirana u timbuttana lejn is-sewwa, mhux tintuża biex issikkittna u tgħakkisna.
Ilkoll għandna l-missjoni naraw li nibdlu ‘l Malta f’pajjiż fejn kieku Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel.